Rapport tal-EUROFOUND juri kif Malta hija t-tielet l-aktar fost il-pajjiż kollha tal-Unjoni Ewropea li għandha ċ-ċittadini tagħha jħarsu b’ottimiżmu lejn il-qasam soċjali.
L-istudju mill-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, juri kif qabel Malta fil-lista hemm l-Irlanda u d-Danimarka, u pajjiżna qabeż bil-kbir lill-Ġermanja u lill-Franza.
Ir-rapport isib kif wieħed u sittin fil-mija tal-Maltin huma ottimisti fuq dan il-qasam. B’dan, Malta taqbeż b’mod sostanzjali l-medja ta’ nies ottimisti fis-sebgħa u għoxrin stat membru.
Dan l-istudju jħares ukoll lejn kif il-livell ta’ ottimiżmu bħalissa fil-pajjiżi Ewropej jikkuntrasta ma’ dak ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
F’rapport ieħor tal-EUROFOUND, Malta kienet ġabet punti għoljin ta’ ċittadini li jemmnu fl-istituzzjonijiet. Fost dawn hemm ammont kbir li għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea u anke l-qasam tas-saħħa.
Dan ir-rapport kien wera kif erbgħa u tmenin fil-mija tal-Maltin kienu qalu li se jieħdu l-vaċċin u għandhom fiduċja fih.