Fid-diskors li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat il-bieraħ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-ftuh uffiċjali tal-Valletta 2018 aċċena kemm huwa importanti li napprezzaw lil xulxin għaliex wara kollox huwa l-bniedem li johloq il-kultura u jsawwar ġenerazzjoni.
Irrefera għall-kuntrasti reali fil-kapitali Maltija mill-iżgħar ħanut tat-te jew tal-merċa għal stabbilimenti moderni. Kompla jgħid li l-Belt tagħna hija ġawhra arkitettonika, soċjali u kulturali. Fakkar li f’dan il-post: il-Kapitali saru u għadhom isiru avveniment fejn il-poplu Malti u Għawdxi jsemma’ leħnu kemm b’mod kulturali u anke politikament permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament.
Fakkar bi kburija li din hija sena li fiha se nesebixxu dak kollu li jagħmilna pajjiż u stat fuq livell internazzjonali, sena li fiha ser jittieħdu ħafna ritratti ma’ binjiet storiċi li se jingħataw il-ħajja bl-attendenza tal-poplu u tat-turisti fihom; fatt li jagħmel lil din il-Belt Kapitali, Belt Ewropea.