Tnieda l-programm ‘Star Journey’, li huwa intiż biex ittejjeb il-prodott turistiku Malti billi jgħolli l-kwalità f’kull aspett b’kollaborazzjoni ma’ Forbes Travel Guide.
Pajjiżna huwa l-ewwel destinazzjoni fid-dinja li qiegħed jipparteċipa f’dan il-programm wara li bosta entitajiet ħadmu qatigħ fuq l-implimentazzjoni tiegħu matul ix-xhur tal-pandemija.
Fost dawn kien hemm l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u l-Ministeru għat-Turiżmu.
Dan flimkien ma’ Forbes, li jirrakkomanda u jippremja lukandi, ristoranti, u spas madwar aktar minn sebgħin pajjiż madwar id-dinja.
Il-programm ‘Star Journey’ jippromwovi ħames aspetti, fosthom is-sikurezza u t-titjib tas-servizz li joffru l-ħaddiema, filwaqt li kull ristorant jew lukanda għandhom madwar tliet mija u sittin rekwiżit li jrid jiġi ssodisfat f’aspetti varji sabiex jikseb l-unur ta’ post verifikat minn Forbes.
Fil-fatt, sa issa, sabiex jitjieb il-livell tal-prodott li toffri l-industrija Maltija, komplew jitħarrġu aktar minn tlett elef ħaddiem fis-settur.
Permezz ta’ din il-ħidma, pajjiżna mhux biss se jgħolli l-livell tiegħu iżda se jkun minn ta’ quddiem sabiex joffri standard għoli fl-industrija.
Għal din l-inizjattiva, f’isem Forbes Travel Guide ġie Malta l-Ambaxxatur Filip Boyen, li faħħar l-ospitabbiltà tal-Maltin. Huwa qal li Malta qed tkompli toffri esperejnza aktar rikka għat-turist li jżurha.
Boyen tkellem ukoll dwar id-dinamika unika tal-industrija tat-turiżmu f’Malta, li taħdem id f’id mal-Gvern u qal kif flimkien bnew viżjoni għal ġejjieni.
Qal, “In Malta, I felt that drive for quality. I was immediately taken by the character, the personality of the people and also by the people in Malta, who are so warm and so welcoming and so smiling – because this is a very important component of becoming a quality destination.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, Tony Zahra, stqarr li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni t-turiżmu f’Malta se jiġi assoċjat mal-kwalità.
Qal, “It-turiżmu issa se jagħmel qabża ’l fuq għall-kwalità. Aħna l-kwalità hija xi ħaġa illi rridu nagħmlu bħala destinazzjoni tagħna tal-pajjiż kollu u dan l-assoċjazzjoni ma’ Forbes qed iwassalna biex il-kwalità nkomplu intejbuha.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo tkellem dwar il-frott li din il-kollavorazzjoni ma’ Forbes ser tħalli fir-riżors uman li għandu s-settur turistiku f’pajjiżna.
Qal, “M’għandix dubju li illi dan il-partnership illi huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fid-dinja ser ikun qiegħed jgħin biex intejbu l-livell tal-ħaddiema, intejbu wkoll il-livell tas-sigurtà u iġene fl-istabilimenti tal-ospitalità, iżda fuq kollox ser jgħolli l-livell tal-prodott Malta għaż-żmien illi ġej fejn jidħlu t-turisti illi jżuru pajjiżna.”