Malta hija impenjata bis-sħiħ fuq livell internazzjonali biex issaħħaħ is-sigurtà ekonomika. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja, hekk kif laqa’ lill-korp akkreditat għal Malta tal-Konsli Ononarji.
Il-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ dan l-istess korp partikolarment għar-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta, ir-rabtiet kummerċjali għall-investiment u għaċ-ċittadini li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli.
“Il-ħidma tagħkom hija tassew kruċjali, speċjalment meta l-assistenza tagħkom ittejjeb il-ħajja ta’ dawk li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet li ħafna drabi ma jkunu xejn faċli. Għaldaqstant il-Gvern Malti japprezza u jirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela qal li, matul is-sena li għaddiet, Malta kompliet tenfasizza l-importanza tal-bdil kummerċjali u ekonomiċi mal-pajjiżi li dan il-korp jirrappreżenta.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-pedament tas-sigurtà u l-prosperità f’pajjiżna li tirrenja fuq l-ekonomija b’saħħitha. Intqal li t-tkabbir ekonomiku kien ta’ importanza kbira biex jiġu indirizzati sfidi komuni għall-ġid taċ-ċittadini partikolarment fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-enerġija u f’setturi kruċjali oħrajn biex kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Minkejja li l-ekonomija globali qed tkompli tiffaċċja żminijiet diffiċli, il-Prim Ministru sostna li s-sitwazzjoni ta’ Malta hi differenti.
“Malta hi impenjata bi sħiħ fuq livell internazzjonali biex issaħħaħ is-sigurtà ekonomika. Dan qed nagħmluh kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Hu ta’ pjaċir li nosservaw li, minkejja li l-ekonomija globali qed tkompli tiffaċċja żminijiet turbolenti, Malta tinsab ferm minn ta’ quddiem fl-isfera internazzjonali biex tilqa’ għall-isfidi kollha ta’ madwarna.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela fakkar kif it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna din is-sena hu l-ogħla fl-Unjoni Ewropea u b’hekk qegħdin f’pożizzjoni ta’ vantaġġ mill-opportunitajiet preżenti f’diversi setturi avvanzati.
Aċċenna għall-fatt li Malta għandha storja ta’ suċċess li tattira investiment dirett barrani f’setturi li jservu bħala vetrina għal teknoloġiji ġodda fir-reġjun tal-Mediterran.
Ġie mfakkar ukoll kif Malta se tkompli sservi bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, bil-Presidenza li jmiss tkun f’April li ġej, kif ukoll hekk kif Malta għandha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Sadanittant aktar kmieni l-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-istess Konsli Onorarji fil-Palazz fil-Belt.