Hija din it-tema li l-Partit Laburista għażel għax-xahar ta’ Marzu.
Tema li ssellem il-kisba importanti tal-Ħelsien 40 sena ilu.
Tema li tfakkar l-mixja li għamel il-poplu Malti u Għawdxi tul is-snin.
Tema li timmarka s-suċċess li pajjiżna qed jagħmel illum il-ġurnata.
F’messaġġ fuq facebook f’bidu tax-xahar li se jfakkar din il-ġrajja importanti, il-Prim Ministru tenna li din kienet waħda mill-ikbar sfidi li l-poplu Malti qatt daħal għalihom.
Il-Prim Ministru Muscat qal: “Minn ekonomija bbażata fuq il-militar u l-ħtiġijiet tal-barrani għażel li jitlaq għal rasu anke jekk kien jaf li l-bidu seta’ ma kienx faċli. Iżda, emmen f’Malta. Illum 40 sena wara Malta pajjiż indipendenti u ħieles u f’ħafna affarijiet mal-aqwa jekk mhux l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.”
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jieħdu sehem fl-attivitajiet li qed jorganizzaw il-Partit Laburista u l-moviment li nbena madwaru. Iżda mhux biss.
Huwa kompla billi qal: “Inħeġġeġ lilna lkoll biex inżommu ġo fina l-ħeġġa għall-bidla li llum reġa’ għandna daqskemm kellhom il-Maltin u l-Għawdxin ta’ 40 sena ilu.”
Tkellem dwar il-mod kif fl-aħħar snin il-poplu Malti ġedded il-Ħelsien b’iktar opportunitajiet u drittijiet.
Huwa rrimarka wkoll li: “Fi żmien li ġej nistgħu niksbu ferm iktar flimkien biex Malta ta’ Għada tibqa’ mhux biss ħielsa iżda tkun saħansitra iktar suċċess”.