“Tifsira ċara ta’ kemm Malta baqgħet temmen fid-djalogu u l-paċi u allura bil-fatt li rnexxielna nġibu l-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-Ukrajna, mir-Russja, mill-Istati Uniti, dak ifisser li aħna ngawdu minn kredibilità tal-komunità internazzjonali, li nistgħu nkunu pont ta’ djalogu, anki f’mumenti bħal dawn, fejn għandek il-kwistjoni tal-gwerra t’aggressjoni min-naħa Russa fuq l-Ukrajna għadha pendenti u trid tiġi riżolta.”
Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar
Dan intqal mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar, f’kumment ma’ ONE News, l-għada ntemm il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li sar f’pajjiżna.
Cutajar spjega li s-sena l-oħra, Malta rnexxielha ġġib l-appoġġ tal-pajjiżi tal-OSCE biex din is-sena kellha l-Presidenza ta’ din l-organizzazzjoni.
B’dan il-Kunsill Ministerjali ġab il-qbil tal-pajjiżi kollha biex ikun hemm ftehim dwar it-tmexxija, wara xhur ta’ nuqqas ta’ qbil dwar dan.
“Fejn Malta rnexxielna ġġib il-fiduċja tas-57 membru stat ta’ din l-organizzazzjoni u setgħet tagħti ħajja ta’ sena oħra lil din l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, imma, rajna li f’mumenti matul din is-sena, kien hemm il-qtiegħ il-qalb li jinstab ftehim għal erba’ pożizzjonijiet għolja ta’ din l-organizzazzjoni u f’Malta ntlaħaq ftehim biex għat-tliet snin li ġejjin din l-organizzazzjoni jkollha tmexxija effettiva biex timxi ’l quddiem.”
Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar