Meta l-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija Toly fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta bdiet taħdem f’Malta, huwa qal li r-riżultati li kiseb pajjiżna jikkonfermaw li pajjiżna hu post li jiġbed in-negozju u l-investiment.
Waqt din iż-żjara ġie spjegat kif il-kumpanija toffri servizz lil diversi ditti internazzjonali, fosthom 23 mill-aktar 30 ditta importanti fis-settur kożmetiku. Wara li bdiet f’Malta, Toly espandiet u għandha uffiċini allokati fl-Amerka, fl-Ewropa, fl-Ażja u f’reġjuni oħra madwar id-dinja.
F’pajjiżna Toly tħaddem iżjed minn 300 impjegat.
Fl-indirizz tiegħu quddiem it-tmexxija u anke l-ħaddiem ta’ Toly, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ joħloq l-ambjent ideali biex din ir-relazzjoni tkompli tissaħħaħ fiż-żmien li ġej.
Innota kif l-aħħar xhur ma kinux faċli għal ħadd kawża tal-pandemija, iżda r-reżiljenza tal-kumpanija wasslet biex toħroġ minn dan il-perjodu b’saħħitha.
Hawn tenna l-impenn tiegħu li pajjiżna jżomm dan is-sens ta’ intraprenditorija li tagħmel lil Malta pajjiż reżiljenti biex taħdem fih, fejn il-Gvern huwa impenjat li jgħin lin-negozji.
“Kif rajna fis-snin riċenti, nafu kif nibdlu l-isfidi f’opportunitajiet. Nemmen li l-isfidi li għandna bħalissa se jkunu opportunità għat-tkabbir,” sostna l-Prim Ministru.
Min-naħa t-tiegħu l-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-kumpanija Andy Gatesy qal li meta d-dinja bdiet taffaċċja l-kriżi globali tal-pandemija, ikkometta ruħu sabiex it-tmexxija tal-grupp Toly tagħmel l-almu tagħha u żżomm in-nies fuq il-post tax-xogħol.
Huwa qal, “We are very happy that the Prime Minister accepted our invitation today to come here to Toly so that we could show him around and what we have built and to really commemorate this occasion. We have opened this factory here in 2019, with an investment of 20 million euros. We continue to invest despite the Covid-19 pandemic.”
Preżenti matul iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.