Malta hi ċ-ċentru tal-esports. Qal dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti.
Hu spjega li din in-niċċa ekonomika għal pajjiżna, li fl-aħħar snin qabdet sew, tara parteċipanti ta’ video games li jikkompettu f’pajjiżna kontra xulxin, f’kompetizzjonijiet li jattiraw interess qawwi minn madwar id-dinja kollha.
“U Malta nistgħu ngħidu wkoll li, bix-xogħol li qed isir, qed isir ukoll iċ-ċentru għal dan l-isports fis-sens li jkollna l-ESL Pro League Season – wieħed mill-akbar leagues li jsiru fid-dinja, isir hawn Malta.”
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fil-fatt, saret kompetizzjoni simili lokali, li ġibdtet lejha atleti udjenza tal-esports internazzjonali. Filletti spjega kif kompetizzjonijiet bħal dawn huma importanti ħafna għal pajjiżna, għax anke jattiraw jew iħajru turiżmu speċifiku.
“Dawn it-tournaments, is-sabiħ tagħhom, hu li jiġu trasmessi b’mod internazzjonali wkoll. Jiġifieri dawn jarawhom mad-dinja kollha. Biex ngħidu wkoll, il-prize pool (ta’ din l-aħħar kompetizzjoni) kien ta’ xi $20,000. Jiġifieri tajjeb li nkomplu nagħmlu dan ix-xogħol u naraw li Malta tkompli tikber f’dawn is-setturi wkoll.”
F’kumment li għadda lil ONE News, l-on site manager tal-istess kompetizzjoni fi tmiem il-ġimgħa, Kersten Chircop spjegalna li l-avveniment ra s-sehem ta’ tletin kompetitur internazzjonali, waqt li mal-mitt persuna ġew speċifikament minn barra, apposta għalih. F’avveniment bħal dan bosta Maltin ikunu involuti, inkluż fit-tħejjijiet u anke meta dan iseħħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta qal li l-aġenzija governattiva se tkompli taħdem ma’ kumpaniji lokali u internazzjonali biex ikabbru din in-niċċa ekonomika f’pajjiżna.
“Allura, se nkomplu bl-istrateġija li għandna flimkien mal-Ministeru tal-Ekonomija, naħdmu id f’id biex naraw li, fis-snin li ġejjin, dan mill-inqas ikun ilaħħaq il-1% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta, jiġifieri qed naraw mal-2,500 jew 3,000 impjegat.”