Fl-isfond li fuq il-midja soċjali għaddejja dik imsejħa ‘10 year challenge’, fiż-Żurrieq il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat tkellem dwar kif għaxar snin ilu l-kwistjoni prinċipali għall-poplu kienet il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Illum il-ġurnata l-poplu għandu rasu mistrieħa.
Quddiem folla mdaqqsa l-Prim Ministru semma kif 10 snin ilu l-ekonomija Maltija kienet staġnata u llum pajjiżna għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.
Hawn irrefera għal rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji li għaxar snin ilu kien ikklassifika l-pajjiżna bħala l-71 pajjiż fid-dinja li għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.
“Illum mhux ninsabu l-aqwa fl-Ewropa imma saħansitra l-aqwa fid-dinja”, saħaq Dr. Muscat.
Semma kif għaxar snin ilu kullħadd kien jitbekka għax-xogħol, illum ġustament il-ħaddiema qed jitolbu kwalità ta’ xogħol aħjar għaliex in-narattiva tal-poplu nbidlet frott tal-bidla li nġabet minn dan il-Gvern.
“Għaxar snin ilu ma konniex nafu x’inhu surplus, konna nafu biss x’inhu defiċit”, qal il-Prim Ministru li żied jgħid, “Irridu ntellgħu ġenerazzjoni ta’ nies li defiċit ma jkunux jafu xi jfisser.”
Il-Prim Ministru saħaq li qabel min kien juża s-servizz taċ-childcare kien meqjus bħala sinjur.
“Illum kullħadd juża s-servizz taċ-childcare b’xejn”, qal il-Prim Ministru fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Bl-aġenda riformista ta’ dan il-Gvern semma wkoll kif inbidel għall-aħjar is-settur edukattiv u qal kif għaxar snin ilu ma kienx hawn trasport b’xejn għall-iskejjel u l-prezzijiet tal-uniformijiet kienu kkaratterizzati minn suq salvaġġ filwaqt li llum għandek prezz regolat għall-uniformijiet tat-tfal tal-iskola.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-pensjonanti li kienu meqjusa foqra għaxar snin ilu u llum qed jirċievu żieda wara l-oħra.
B’rabta mal-pensjonanti semma s-settur tas-saħħa u qal kif għaxar snin ilu kien hemm l-mediċini ‘out of stock’ u llum din il-problema spiċċat.
Frott il-bidla li ġab dan il-Gvern, il-Prim Ministru spjega kif għaxar snin ilu, anki l-faqar kien qed jgħolli rasu u llum dan ġie indirizzat u naqas ferm.
Hawnhekk b’ton umli l-Prim Ministru qal li l-Gvern xorta huwa saqajh mal-art u quddiem din il-bidla pożittiva jagħraf li hawn min għandu sfidi u jrid ikun il-Gvern li jwieżen.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-infrastruttura tal-pajjiż.
“Nistgħu nieħdu ritratt għat-10 year challenge tal-infrastruttura tal-pajjiż. Illum pajjiżna qed jinbidel u għas-snin li ġejjin se nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż”, qal Dr. Joseph Muscat.
Semma wkoll it-turiżmu u qal kif għaxar snin ilu, iż-żieda fin-numru tat-turisti li żidnih din is-sena kien jiżdied f’sitta jew seba’ snin.
Il-Prim Ministru qal li għal din is-sena se nkunu qed nilħqu l-mira ta’ tliet miljun turist fis-sena.