Dan hu baġit ġust mal-pensjonanti, b’miżuri mfassla mill-anzjani stess, mibni fuq il-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li jindirizza realtajiet speċifiċi.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fiċ-Ċentru ta’ matul il-Jum f’Birkirkara.
L-istess għan wara l-miżuri mħabbra fil-baġit għal Malta Ġusta, b’miżuri li filwaqt li jassiguraw kwalità tal-ħajja tajba għall-anzjani, jsostnuhom biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-irħula u l-ibliet madwar pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega li huwa dan li qed ifisser il-Gvern meta jitkellem dwar ekonomija b’saħħitha, għaliex b’hekk jista’ jwieżen lin-nies, filfatt dan hu budget bl-ikbar nefqa soċjali li qatt saret f’pajjiżna.
Jixhdu dan huma fost oħrajn miżuri li se jissarrfu f’żieda ta’ €780 lill-pensjonanti kollha, l-akbar żieda li qatt ħadu l-pensjonanti f’sena waħda.
Min-naħa tagħhom, l-anzjani kellhom kliem ta’ apprezzament għall-mod ta’ kif Gvern Laburista dejjem żammhom bħala prijorità u fiċ-ċentru ta’ ħidmietu.
B’dawn l-anzjani b’sodisfazzjon innutaw li hija permezz ta’ miżuri bħal dawn li huma jistgħu mhux biss jgħixu fil-komunità li huma parti minnha imma jgħixu ħajja ta’ kwalità viċin dawk l-aktar għeżież għalihom.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-deputat Malcolm Paul Agius Galea, mill-Kap Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele u mis-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech.
Għal aktar informazzjoni dwar il-miżuri tal-Budget 2024: www.budget.gov.mt u 80072207.