“Il-baġit li qed inressaq illejla quddiem din il-Kamra qed inressqu b’iktar serenità minn qatt qabel għax illum il-familji Maltin u Għawdxin qed jifhmu sew il-pjan tal-Gvern għal din il-legiżlatura u qed iħossu l-effett pożittiv fi bwiethom”.
Kliem il-Ministru Edward Scicluna meta llejla beda jippreżenta l-baġit għall-2017.
Qal li kull ma għamel il-Gvern s’issa għamlu bl-għan li jitla’ tarġa wara l-oħra biex jilħaq il-miri li wiegħed lill-familji u n-negozji fil-Manifest Elettorali. Illum il-Gvern wasal f’punt fejn ir-riżultati ekonomiċi u finanzjarji li qed ikunu l-għira tal-pajjiżi sħabna fl-Unjoni Ewropea, f’pajjiżna stess xi wħud qed joħduhom for granted.
Fil-pajjiżi ta’ madwarna, osserva l-Ministru, dan ma seħħx. Għal dawk li jieħdu dawn ir-riżultati for granted, il-Ministru fakkarhom minn fejn kellna nibdew.
“Meta ilħaqt Ministru għall-Finanzi, il-Gvern kellu ma’ wiċċu defiċit ferm ogħla minn dak imbassar, b’riżultat li pajjiżna reġa’ ddaħħal fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet it-tielet darba f’għaxar snin li seħħ dan. Dawk li jgħidu li l-qagħda ekonomika f’pajjiżna kienet tajba, nixtieq infakkarhom li pajjiżna kien għadu kemm iddaħħal fil-macro imbalances procedure fejn il-Kummissjoni kienet qed twissi fuq id-djun mhux biss pubbliċi, imma wkoll privati. Illum dan kollu huwa storja tal-passat għax pajjiżna ħareġ bl-unuri miż-żewġ proċeduri”.
Ftit qabel ma bdiet din il-Legiżlatura, f’Jannar 2013, S&P Global Ratings kienu niżżlu ir-rating ta’ pajjiżna għat-tieni darba f’dik il- leġiżlatura. Nhar il-Ġimgħa li għadda, rajna kif din l-aġenzija għolliet, għall-ewwel darba f’għoxrin sena, r-rating ta’ pajjiżna minn ‘BBB+’ għal ‘A-’.
Dan seħħ għax f’baġit wara l-ieħor il-Gvern mexa bir-reqqa u bil-galbu. Fil-baġit għas-sena li qegħdin fiha, il-Gvern ħaseb ukoll f’dawk li kienu għadhom ma gawdewx direttament mill-miżuri li ħadna fis-snin ta’ qabel.
“Naqqasna t-taxxi għal dawk bi dħul baxx. Daħħalna tax credits għal min lest ifaddal b’mod volontarju f’pensjoni privata. Erġajna żidna l-in-work benefit għall-ħaddiema bi dħul anqas mill- medja. Komplejna nsostnu lil dawk li qed jixtru l-ewwel propjetà tagħhom – id-dota tal-Gvern Laburista lill-koppji żgħażagħ. U għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni, għollejna l-pensjonijiet b’aktar miż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Miżura li laqtet 12,000 pensjonant bl-anqas dħul, filwaqt li ir-romol li ħadmu ingħataw dritt għal pensjoni ferm aħjar”.
Dan seta jsir, sostna l-Ministru, għax Malta saret ekonomija b’saħħitha.
Il-baġit għas-sena d-dieħla se jkompli jseddaq dawn ir-riżultati. Fuq kollox qal li huwa baġit soċjali, u għalhekk il-messaġġ: Malta – ġid li jasal għand kulħadd.
“Għax nifhmu li filwaqt li ħafna mxew ‘il quddiem, fadal min għadu jbati biex ilaħħaq. Bis-saħħa li ksibna u l-ġid li ħloqna, issa se ngħinu lil dawn in-nies b’ħeġġa akbar minn qatt qabel”.
F’dan il-baġit ser ikompli f’din it-triq, b’għajnuna lill-familji ħalli jiffaċċjaw żviluppi ġodda, bħaż-żieda fil-kera. U ser inkomplu ngħinu lil dawk li jridu jfaddlu b’mod volontarju għall-irtirar tagħhom.
Fl-istess ħin, għal dawk li ma jistgħux jidħlu fis-suq tax-xogħol, ittieħdu passi u se jkomplu jittieħdu oħrajn f’dan il-baġit biex, jitjieb id-dħul. U dan mingħajr biża’ li nżidu d-defiċit għax għandna ekonomija b’saħħitha.
Verament qed nibnu Malta fejn il-ġid jasal għand kulħadd.