Is-Segretarju tal-Istat Taljan għall-Affarijiet Ewropej Sandro Gozi ddeskriva s-suċċess ta’ Malta bħala wieħed ta’ għira għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.
F’kummenti ma’ One News qabel diskussjoni fejn fiha rrifletta dwar il-ġejjieni tal-Ewropea, Gozi stqarr li Malta qed tikber b’rata iktar mgħaġġla minn pajjiżi oħra u fisser kif fi żmien li ġej għandha tieħu rwol ċentrali.
Gozi jistqarr li parti essenzjali mis-suċċess ta’ pajjiżna huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat li jgawdi rispett kbir fost l-akbar mexxejja tal-Unjoni Ewropeja.
Qal li l-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qed jaħdem mill-qrib ma’ Joseph Muscat fid-dawl li pajjiżna se jkun fit-tmun tal-Presidenza Ewropeja. Fisser kif qed jistenna lill-Prim Ministru Malti jieħu rwol ċentrali fil-paġna li trid tibda l-Unjoni Ewropa b’ mod partikolari fid-dawl ta’ dak li ġara fl-aħħar xhur.
Gozi tkellem b’ mod partikolari fuq il-kwistjoni tat-terroriżmu li qed tolqot lill-pajjiżi Ewropej u li qed tħalli ċertu biża’ fost iċ-ċittadini kif ukoll dwar dik tal-immigrazzjoni fejn qal lill-Gvern Taljan huwa kommess li jkompli jaħdem ma’ dak Malti.