“Bħal-lum ġimgħa biss, Malta għażlet. Għażlet l-imħabba fuq il-mibegħda. Għażlet l-għaqda fuq il-firda. Għażlet il-verità fuq il-gideb. Għażlet l-istabbiltà flok il-konfużjoni. Għażlet il-progress ekonomiku u soċjali flok li treġġa’ l-arloġġ lura. Malta għażlet u għażlet dan il-moviment b’maġġoranza ġdida storika. Grazzi Malta.”
Hekk beda d-diskors tiegħu il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-mass meeting tar-rebħa li sar is-Sibt filgħaxija fuq il-Fosos tal-Furjana.
Spjega kif filwaqt li qabel il-pajjiz kiem idorri li jkun maqsum kwazi min-nofs, fl-aħħar snin id-differenza bejn il-partiti tant kibret li huwa messaġġ ċar għal politiċi. Messaġġ li Malta hija magħquda u taf tagħżel.
Quddiem folla kbira ta’ nies li attendiet għall-aħħar ċelebrazzjoni tar-rebħa Laburista fl-elezzjoni li għadha kemm għaddiet, Joseph Muscat saħaq li maġġoranza bħal dik miksuba ma tinxtarax bil-pjaċiri.
“Maġġoranza hekk tinkiseb bi tmexxija kompetenti li mexxiet il-pajjiż ‘il quddiem. Tinkiseb għax raw f’dan il-moviment tama ħames snin ilu, ippruvawna u ma ddispjaċihomx. B’hekk il-mappa elettorali ta’ Malta, minn Għawdex sa Malta, mill-Belt sa Marsaxlokk reġgħet uriet fl-2013 bdejna xi ħaġa li ma tintemmx malajr. Dik ix-xi ħaġa hija progress u meta l-progress jaqbad ritmu, meta l-mewġa ssib il-lixx, tibqa’ tikber u tikber u iktar ma ssib min jipprova jwaqqafha iktar iġġorr magħha,” qal dan il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru reġa fakkar li fl-aħħar erba snin saru xi żbalji, iżda l-poplu kien kapaċi jiżen dan mal-ħafna tajjeb li sar, fejn pajjiżna mexa ‘l quddiem soċjalment, ekonomikament, fis-saħħa, fl-enerġija u anke fid-drittijiet.
Muscat qal li “Dan li għażlu n-nies. Din hija l-għażla li poġġew fuq il-miżien. Għażlu li jibqgħu jaraw progress. Għażlu li jpoġġu kollox fuq miżien u jsibu li marru aħjar u li dan il-Gvern għamel bil-wisq iktar ġid minn kull żball li seta’ għamel.”
Fuq il-Fosos, il-Prim Ministru aċċenna li pajjiżna ma jixraqlux tgħajjir tal-politiċi u akkużi estremi. Pajjiżna jixraqlu aħjar.
“Pajjiżna jrid trankwilità. Fejn dik l-omm li filgħodu tieħu tfal ic-childcare u tmur taħdem, thossha qed tgħix f’pajjiż li joffrilha l-opportunità li timxi ‘l quddiem. Fejn dak iż-żagħżugħ iħoss li Malta ta’ għada se tifrixlu t-tapit l-aħmar għall-karriera b’xogħol u kundizzjonijiet aħjar,” qal il-Prim Ministru.
Tenna li se jara li minkejja r-riżultat kbir li nkiseb, kulħadd jibqa saqajh mal-art.
Kompla billi qal li “Fuq kollox, dan ir-riżultat jimlina b’umiltà. Umiltà ta’ min iħossu żgħir ħdejn il-kobor ta’ poplu li għażel li jagħtina l-fiduċja bbażata fuq l-esperjenza li kellhom ta’ dan il-Gvern. Umiltà ta’ min jaf li ikbar ma’ tkun l-għajta, ikbar se jkunu l-aspettattivi. Jien inwegħdkom li kemm indum jien inservi se nibqa’ umli u nżomm lil ta’ madwari miegħi b’saqajna mal-art. Għax min jgħolli rasu, min jara lin-nies dubbien, se jsib lili nfakkru li Malta remiet l-arroganza u l-firda darba għal dejjem, biex żammet nies umli li baqgħu magħha fit-toroq iħossu dak li jħossu huma, jitkellmu dak li jitkellmu huma u fuq kollox jaħdmu lejl u nhar għalihom.”
Il-Prim Ministru Muscat qal li din il-leġislatura se tkun dik li ssaħħaħ dak li beda mill-poplu Malti erba snin ilu, u spjega kif issa se jibda jidher il-frott tal-pedamenti sodi li nbnew.
Għamel referenza wkoll għas-suċċessi miksuba mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u ta l-kelma li għal darb’ oħra, huwa se jkun qed jiddefendi isem pajjiżna.
Muscat qal “Malta li tħares bi kburija. Ma tridx min ikasbarha. Ma tridx min iħares ‘l isfel lejha. U minkejja li xi wħud f’pajjiżna ppruvaw jagħmlu hekk għall-gwadann politiku, malajr indunaw li Malta mhijiex se tħalli min ikasbarha. U għalhekk din il-ġimgħa se tarawni nkun it-tarka ta’ pajjiżi fil-Parlament Ewropew biex niddefendi isem pajjiżi, biex inżomm ‘il fuq isem dan il-pajjiż, biex nuri li Malta hi waħda, magħquda u mhux talli ma morniex lura, iżda bħala pajjiż għamilna qabża ‘l quddiem.”
U bil-mandat ċar li l-poplu Malta u Għawdxi ta lill-Partit Laburista, Joseph Muscat sostna li dal-pajjiż se jkompli t-triq li qabad, dik li ssir l-għira tad-dinja.
Il-Prim Ministru temm billi qal “Għax iż-żgħażagħ tagħna ħaqqhom li jimxu iktar ‘il quddiem. L-anzjani tagħna ħaqqhom jieħdu lura ħafna iktar milli taw. In-nisa u l-ommijiet jixirqilhom jingħataw lura ftit mill-imħabba li jagħtu lill-pajjiżna. L-irġiel u l-missirijiet ħabbrieka bix-xieraq li jiġu ppremjati għax jistinkaw. In-negozji li għaddejjin mill-aqwa żmien, ħaqqhom żminijiet aħjar. Għax għal Malta, bis-saħħa tagħkom, bis-saħħa tal-għażla li għamiltu, l-aqwa żmien għadu ġej.”