Malta għandha ssostni s-sejħa tas-Soċjalisti Ewropej favur aktar Ewropa soċjali biex l-ugwaljanza u l-ġustizzja fl-Ewropa jingħataw prijorita`, qal il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant waqt attivita` soċjali fil-Belt Valletta. Dr Sant qal li għall-Ewropa l-2019 tista’ tkun diffikultuża daqs l-2018. Il-problema fundamentali hi li għalkemm fis-snin riċenti l-Ewropa esperjenzat tkabbir ekonomiku, l-inugwaljanzi u l-inġustizzji soċjali żdiedu. Dan qed ixekkel is-solidarjeta` fi ħdan in-nazzjonijiet u bejn in-nazzjonijiet.
“Is-sena 2018 kienet waħda delikata għal Ewropa u l-mexxejja tagħha. Fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Isvezja fost oħrajn, sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u inċertezza dwar il-futur ħolqu kriżijiet politiċi. Għalkemm Malta hija l-iżgħar stat fl-Unjoni, irnexxielha iżżomm sitwazzjoni ta’ prosperita` u serenita`. F’din is-sena l-ġdida rridu insostnu l-fiduċja tagħna fil-futur ta’ Malta u f’dak li jista’ jagħmel il-poplu tagħha jekk jibqa’ magħqud u jħares ’l quddiem.”
L-MEP Malti qal li wisq Maltin għadhom ma jifhmux kemm id-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Ewropa qed jaffettwaw il-futur tagħhom u tal-familji tagħhom. Fl-aħħar ħames snin, għan ewlieni tal-uffiċċju ta’ Malta tal-MEP Alfred Sant kien dak li jinforma l-pubbliku Malti dwar din ir-realta`.
“Jitla’ min jitla’ fil-Parlament Ewropew f’Mejju, tibqa’ l-ħtieġa li dan l-għarfien jingħata.” sostna l-Ewroparlamentari Malti.
Dr Sant irringrazzja lil dawk preżenti għall-appoġġ tagħhom matul is-snin u wiegħed li se jibqa’ jaħdem, fl-Ewropa u f’Malta, biex jitpoġġew fuq quddiem l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, is-self-employed, il-penzjonanti, kif ukoll il-familji bi dħul baxx jew medju. Malta, taħt amministrazzjoni Laburista, qed tagħmel progress enormi u aħna rridu niżguraw il-ħin kollu li kulħadd igawdi b’mod ġust mit-tkabbir li qed isir.