Malta għandha s-sitt l-akbar reġistru ta’ bastimenti u opri tal-baħar fid-dinja li qed itajru l-bandiera Maltija. Barra minn hekk, pajjiżna għandu l-akbar reġistru mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fil-jum dinji marittimu.
Il-Ministru Ian Borg qal kif dan is-settur huwa wieħed importanti f’pajjiżna tant li l-ħtieġa tiegħu nħasset iżjed tul din il-pandemija.
Il-Ministru Borg sostna, “Il-qasam marittimu huwa importanti minn diversi bnadi. L-ewwelnett biex iżommna magħqudin mad-dinja, il-merkanzija tal-prodotti, l-ivjaġġar isir permezz ħafna minnu bil-baħar u allura l-importanza anke stajna narawha waqt il-pandemija li aħna xorta bqajna nirċievu l-prodotti, mediċini u affarijiet oħrajn.”
Il-Ministru Borq qal kif dawn l-aħħar seba’ snin, pajjiżna rdoppja n-numru ta’ reġistrazzjonijiet ta’ bastimenti li għandhom il-bandiera Maltija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal kif it-tema tal-jum dinji marittimu huwa s-sostenibiltà. Qal kif f’dan il-qasam, pajjiżna minn dejjem kellu reputazzjoni tajba, tant li kien pajjiżna li xpruna ‘l quddiem sabiex saret il-liġi tal-baħar.
Il-Ministru Abela appella sabiex nieħdu ħsieb il-baħar ta’ madwarna sabiex igawduh uliedna u wlied uliedna.
Il-Ministru Abela stqarr, “Allura ma nistgħux nitraskuraw fil-jum dinji marittimu, l-aspett importanti tal-baħar, però fl-istess ħin irridu nipproteġu kemm jista jkun l-ibħra. Huwa fl-interess tagħna li ngħaddu dan il-messaġġ li kull wieħed u waħda minnha nistgħu nagħmlu l-kontribut tagħna.
Waqt din iż-żjara ż-żewġ ministri żaru l-ħaddiema tat-Transport Malta li jaħdmu fis-settur marittimu.