Waqt li kien qiegħed jitkellem f’seminar internazzjonali organizzat f’Malta mill-COST (European Cooperation in Science and Technology) dwar One Health, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar l-opportunità unika li Malta għandha f’dawn is-sitt xhur ta’ Presidenza Ewropea sabiex tinfluwenza l-aġenda fil-qasam tas-saħħa fl-Ewropa għaż-żmien li ġej.
Il-Ministru Fearne qal li t-temi ewlenin tal-Presidenza Maltija f’dan il-qasam huma, fost oħrajn, l-obeżità fit-tfal, il-mard rari, u t-tagħlim ta’ speċjalisti. “L-obeżità hija problema li qed tifni l-Ewropa kollha u s-sitwazzjoni dejjem qed tiggrava. Għaldaqstant huwa importanti li nrawmu fit-tfal sa minn età zgħira attitudnijiet tajbin għal saħħithom; għal dan il-għan se nkunu qed niffukaw il-Presidenza tagħna fuq l-obeżità fit-tfal,” qal il-Ministru Fearne.
Fl-2015 kien tnieda Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2015-2020, u għalhekk il-Presidenza tagħna, li taħbat f’nofs dan il-perjodu, se tkun żmien propizju biex issir evalwazzjoni ta’ dan il-pjan.