Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, fejn ħareġ li r-rata tal-qgħad ta’ Malta hi ta’ 2.6%.
Din hi ferm inqas mir-rata medja tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea, li hi ta’ 5.9%, li jfisser differenza ta’ 3.3%.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li pajjiżna għandu rata ħafna aktar baxxa ta’ qgħad minn pajjiżi li huma akbar minna. Dan hekk kif il-Ġermanja għandha rata ta’ 3%, waqt li Franza għandha rata ta’ 7.1%.
Sadanittant, minn statistika tal-NSO, ħareġ li r-rata tal-qgħad f’Malta niżlet għall-ewwel darba taħt id-900 persuna. Dan hekk kif ir-rata ta’ qgħad fix-xahar ta’ Ġunju kienet ta’ 875 persuna. F’Mejju li għadda kien hemm 916-il peruna.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 79 persuna meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra, hekk kif f’Ġunju tal-2022, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 954 persuna.
Ħareġ ukoll, li meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ 23 persuna b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol. F’Ġunju li għadda, dawn kienu biss 208 persuni.
Fi Tweet, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irrimarka li għall-ewwel darba Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Hu sostna li l-Gvern se jibqa’ kommess li l-prosperità ekonomika titgawda minn kulħadd.
Skont l-NSO, minn dawk kollha li qed jirreġistraw għax-xogħol mal-JobsPlus f’Ġunju 70% huma rġiel.
L-istess ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fakkru wkoll li, fuq perjodu ta’ disa’ snin, minn Ġunju tal-2014, kien hemm tnaqqis ta’ kważi 6,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol. Dan hekk kif f’dan il-perjodu msemmi, dawk jirreġistraw kienu jgħoddu għal aktar minn 6,800 persuna.
Dan it-tnaqqis sostanzjali fir-rata tal-qgħad f’pajjiżna seħħ anke matul l-isfidi internazzjonali bla preċedent tal-aħħar snin, bil-pandemija tal-COVID-19 u l-Gwerra fl-Ukrajna, li waslet għal kriżi tal-enerġija u inflazzjoni globali.