Pajjiżna għandu l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea ta’ persuni bil-Coronavirus li mietu jew li għadhom f’qagħda kritika bil-ventilatur.
Filwaqt li r-rata ta’ Malta hi ta’ 1.3%, il-medja Ewropea hi ta’ 11.3% u dik dinjija hi ta’ 7.4%.
Dan ifisser li r-rata ta’ pajjiżna hi kważi sitt darbiet inqas minn dik fid-dinja.
L-aħħar tagħrif li kiseb dan l-istazzjon juri li wara Malta hemm l-Islovakkja bi 2.1%, il-Latvja bi 2.4% u l-Lussemburgu u Ċipru bi 2.9%.
Ir-rati juru li f’Malta, minn kull mitt persuna li kienu infettati bil-Coronavirus, kważi persuna waħda biss tilfet ħajjitha jew tinsab f’kundizzjoni li qed tissielet għal ħajjitha billi tinsab fuq ventilatur.
Dan meta l-medja Ewropea kienet 11% iżjed mir-rata ta’ Malta.
L-ogħla rata ta’ persuni li mietu jew jinsabu fil-periklu tal-mewt minħabba l-COVID-19 ġiet irreġistrata fil-Belġju, bi 17%.
Franza, l-Italja u l-Ungerija ġew eżatt wara l-Belġju b’16.8%, 14.5% u 14.4% rispettivament.
It-tagħrif ta’ ONE News li analizza ċifri sat-Tlieta 19 ta’ Mejju juri wkoll li madwar l-Unjoni Ewropea kienu biss erba’ pajjiżi oħra, apparti Malta li kellna rata ta’ 1% ta’ nies li ħarġu pożittivi għall-virus minn testijiet.
Fi kliem sempliċi, Malta u dawn il-ftit pajjiżi kellhom persuna waħda li rriżultat li hija infettata bil-virus minn fost kull mitt test.
B’kuntrast, il-medja Ewropea kienet li minn kull mitt persuna li marru għat-test instabu seba’ każijiet pożittivi.
F’din it-tip ta’ rata, l-ogħla ċifri rriżultaw fl-Iżvezja fejn minn kull mitt test feġġew sbatax-il każ.
Wara dan il-pajjiż Skandinavu ġew l-Olanda bi 15% u Franza bi 13%.
Is-suċċess ta’ pajjiżna fil-kontroll tal-pandemija li rrimarkaw għalih bosta istituzzjonijiet u għaqdiet internazzjonali, fosthom l-għaqda dinjija tas-saħħa, joħroġ ukoll meta wieħed ikejjel il-persentaġġi tal-każijiet li għadhom attivi.
Filwaqt li l-medja Ewropea, minn kull mitt persuna morda bil-Coronavirus għadhom ma fiqux tmienja u għoxrin persuna, f’Malta baqgħu ma fiqux sbatax-il persuna.
Ir-rata dinjija dwar dan hi ta’ 54% li jfisser li r-rata Maltija hi aktar minn tliet darbiet inqas minn dik fid-dinja.
Meta wieħed imbagħad iħares lejn in-numru ta’ dawk morda bil-virus u baqgħu morda u jqabblu mal-popolazzjoni kollha tal-pajjiż, ir-rata ta’ pajjiżna hi ta’ 0.02% filwaqt li l-medja Ewropea hi ta’ 0.08%, li jfisser erba’ darbiet aktar minn pajjiżna.
Il-medja dinjija dwar dan hi ta’ 0.03%.