Għas-sitt sena konsekuttiva, Malta għandha l-aqwa programm ta’ ċittadinanza b’investiment fid-dinja, dak li llum huwa programm ta’ residenza.
Dan skont stħarriġ minn bord ta’ esperti internazzjonali magħmul minn ekonomisti, akkademiċi u esperti tal-immigrazzjoni. L-istħarriġ ġie maħruġ minn Henley & Partners u jevalwa l-kwalità u s-sigurtà ta’ kull programm ta’ ċittadinanza fid-dinja.
Il-programm ta’ pajjiżna ġab tmenin punt minn mija, segwit mill-programm tal-Awstrija b’erbgħa u sebgħin punt u l-Montenegro bi tnejn u sebgħin punt.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Alex Muscat sostna li dan ir-riżultat iservi bħala prova ċara li l-bidliet frekwenti ta’ dan il-programm mill-Gvern servew biex jissaħħaħ il-programm.
Qal kif, “Din hija xi ħaġa pożittiva ħafna għal pajjiżna speċjalment wara li matul is-sena li għaddiet, aħna biddilna l-programmi tagħna u nfatti morna għal inizjattivi ħafna iktar iebsin minn dawk li kellna qabel.”
Huwa fakkar li kien dan il-programm li ġġenera l-fondi neċessarji sabiex tittaffa d-daqqa ekonomika tal-pandemija.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li frott diskussjonijiet dwar dan il-programm mal-Kummissjoni Ewropea, il-programm ta’ Malta ssaħħaħ, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà.
Fil-fatt, huwa qal li dan ir-riżultat pożittiv dwar il-programm ta’ Malta, li hu l-aqwa fid-dinja issa qed jintbagħat messaġġ iżjed qawwi li l-programm ta’ pajjiżna hu serju, fdat u rigoruż.
Spjega, “Juri wkoll kemm il-programm tagħna huwa serju. Din l-analiżi li saret, dan ir-rapport il-ġdid li ġie ppubblikat fil-ġranet li għaddew jidħol fid-dettal ta’ kemm huwa rigoruż programm u kemm huwa serju, kemm isir due diligence fuq kull investitur. U hemmhek pajjiżna klassifika l-ewwel wieħed.”