Pajjiżna għandu l-akbar numru ta’ ħaddiema żgħażagħ fil-qasam tas-saħħa.
Statistika tal-EUROSTAT wriet li s-sena l-oħra, imqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, Malta kellha nofs il-ħaddiema tagħha fil-qasam tas-saħħa taħt l-erbgħa u tletin sena.
Dan meta l-medja Ewropea kienet ta’ 29%.
Wara Malta ġie l-Lussemburgu u Ċipru b’47% u 38% rispettivament.
Skont il-EUROSTAT, pajjiżna kellu wkoll 29% tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jgħoddu bejn 35 u 49 sena.
Dan filwaqt li 21% tal-ħaddiema tas-saħħa f’Malta kellhom 50 sena jew aktar.
L-istatistika tgħid li fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, erbatax-il miljun u seba’ mitt elf ruħ jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.
Dan ifisser li 4% tal-popolazzjoni Ewropea jaħdmu f’qasam importanti li jmiss miegħu kulħadd.
78% tal-ħaddiema tas-saħħa fl-2019 kienu nisa.
13% tal-ħaddiema kienu tobba filwaqt li 31% tal-ħaddiema huma infermiera u qwiebel fost l-oħrajn.