Fl-ewwel okkażjoni tiegħu li jindirizza l-Korp Konsolari, il-Prim Ministru Robert tenna li Malta għandha bżonnhom sabiex isaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha barra minn xtutna.
“Għandna bżonnkom bħala pajjiż. Intom essenzjali aktar minn qatt qabel għal pajjiżna. Intom il-partners ta’ dan il-Gvern biex pajjiżna jikseb ir-reputazzjoni tajba li tixraqlu.”
Fost oħrajn semma t-tkabbir ekonomiku bla preċedent u li permezz tiegħu Malta setgħet tagħmel avvanzi kbar f’oqsma oħra differenti.
“Reputazzjoni ta’ ekonomija. L-aqwa fl-Ewropa bi tkabbir medju ta’ 4.7%. Ekonomija b’saħħitha li twassalna biex pajjiżna l-ugwaljanza tingħata prijorità. Wasslu l-messaġġ li Malta hija art fertili ta’ opportunitajiet għall-investiment u biex tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna huwa eżempju ta’ kif titħaddem l-ugwaljanza fejn dan il-pajjiż ma jħarisx lejn is-sesswalità tiegħek imma jagħtik id-drittijiet għax “l-importanti għal pajjiżna hi mhux int min int jew minn fejn ġej, iżda x’tista’ toffri.”
Sejjaħ lill-pajjiżna bħala pajjiż ta’ ugwaljanzi għax uliedna jingħataw l-għodod edukattivi b’xejn u kulħadd għandu aċċess għal saħħa b’xejn.
Qal li pajjiżna qed jagħmel riformi legali, infrastrutturali, soċjali u ekonomiċi bla preċedent.
“Bħala Gvern bil-kabinett il-ġdid maħtur minni din il-ġimgħa, inwegħedkom enerġija,kontinwita’ u serħan tal-moħħ biex inkomplu niksbu flimkien is-suċċessi, bil-bidliet meħtieġa. Flimkien iridu niċċelebraw aktar is-suċċessi ta’ pajiżna li xi kultant ma ntuhomx bizzejed prominenza.”
Fakar kif il-Forum Ekonomiku Dinji jqis lil Malta bħala l-aktar pajjiż stabbli ekonomikament fid-dinja hekk kif il-konsum tal-familji kiber bi 3%.
Semma li s-sena li għaddiet, il-kumpaniji kellhom qligħ ta’ elfejn u ħames mitt miljun ewro aktar u f’sitt snin ir-rata tal-impjieg qabżet il-medja fiż-żona ewro tant li l-għadd ta’ impjiegi żdiedu b’erbgħa u sittin elf.
Il-Prim Minsitru tenna li l-mod kif tqassam il-kabinett jiggarantixxi li dan is-suċċess ikun kontinwu u jassigura enfasi fuq prijoritajiet meħtieġa, bħall-ambjent, il-ġustizzja u l-governanza.
Fl-indirizz tiegħu waqt din il-laqgħa, id-dekan tal-Korp Konsolari Godwin Bencini faħħar il-miżuri li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin biex iwieżen lill-pensjonanti.
Waqt li appella lill-Gvern biex il-ġid ikompli jinfirex ma’ kulħadd, huwa ta l-awguri tiegħu lill-Prim Ministru għall-kariga l-ġdida tiegħu.
Huwa tenna li l-Korp kollu jinsab konvint u għandu fiduċja fil-Prim Ministru l-ġdid sabiex jassigura isem mill-aqwa għall-pajjiżna.