Quddiem folla kbira ta’ żgħażagħ entużjasti u mimlija enerġija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kull darba li pajjiżna ġie biex jagħmel għażla, il-vot determinanti kien taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Hu u jindirizza attività organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti, Muscat qal li fattur komni li jgħaqqad liż-żgħażagħ mal-Gvern hu li m’għandhomx kwiet. Amministrazzjoni tara li l-pajjiż ikun aħjar milli qatt kien.
“Intom miegħi biex inkomplu mixjin din it-triq?” staqsa Joseph Muscat, u ż-żgħażagħ wieġbu b’għajjat ta’ “Joseph, Joseph”.
Il-Prim Ministru u mexxej Laburista qal li ma nistgħux inħallu lill-forzi konservattivi jżommu l-pajjiż milli jkompli miexi ‘l quddiem. Dan huwa Gvern li kiseb drittijiet ċivili ġodda, drittijiet għan-nisa, u tant aktar. Sal-aħħar ta’ dan is-sajf, ikollna żwieġ indaqs għall-kulħadd. Ikollna diskussjoni fuq l-użu tal-kannabis għall-użu rikreattiv.
Il-Prim Ministru u mexxej Laburista qal li jrid jagħmel minn Malta l-għira tad-dinja. Għal dan, għandu bżonn l-enerġija taż-żgħażagħ.
“Ninsabu fl-aħħar ftit, li matulu rridu nkomplu nuru din l-enerġija tagħna, din il-pożittività tagħna” temm jgħid Joseph Muscat.
Qabel Joseph Muscat, tkellmet il-Membru Ewro-Parlamentari Miriam Dalli, li qalet li dan mhux il-moviment li jgħid liż-żgħażagħ li għadhom żgħar, kif tagħmel Marlene Farrugia, waħda miż-żewġ mexxejja tal-PN.