“Malta għamlet ferm iżjed minn dak mistenni minnha fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.”
Kliem il-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos waqt laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.
Filwaqt li faħħar lil Malta għall-isforzi kollha tagħha fejn tidħol il-kriżi tal-immigrazzjoni – inkluż is-sehem kruċjali ta’ pajjiżna waqt il-Valletta Summit – il-Kummissarju Ewropew qal li kien, għadu u se jibqa’ wara Malta. Dan kemm finanzjarjament, b’mod prattiku u anki operattiv.
F’Kastilja huwa qal li l-kriżi tal-immigrazzjoni ħadet dimensjoni internazzjonali, u hemm bżonn li tiġi indirizzata b’mod immedjat.
Qal li Malta qatt mhi se titħalla waħedha f’din il-kriżi umanitarja, u saħaq li l-Ewropa trid taħdem izjed biex tadotta strateġija ċara u mekkaniżmu permanenti dwar din il-kwistjoni.
Ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Avramopoulos qal li l-prijorità fl-Ewropa għad-deċenju li jmiss għandha tkun li ġġib lura l-istabilità u l-paċi fl-Eworpa.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta ħadet it-tmun ta’ din il-kriżi fejn minkejja li konxja li qbil ad hoc mhux l-iktar soluzzjoni popolari mal-istati membri, għamlitu fl-interess nazzjonali u biex issalva l-ħajjiet.
Qal li dawn il-ftehimiet kienu l-uniċi li ħadmu f’sitwazzjonijiet li kienu kritiċi għall-ħajjiet umani, u li Malta lesta tkun parti minn arranġamenti simili li joffru s-soluzzjonijiet.
Huwa rringrazzja lil Avramopoulos għall-kooperazzjoni tiegħu u tal-Kummissjoni fl-aħħar xhur, li kienu kruċjali biex jissolvew dawn il-problemi.