Malta għamlet biċċa xogħol straordinarja waqt il-Presidenza tal-OSCE.
Dan intqal mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken, f’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, l-Erbgħa filgħaxija.
“It has been extraordinary what Malta has done with the OSCE. Stepping in really pretty much the last minute to take the chairmanship in office and not only to take it on, but to do it so well in a great challenging time. We gathered here, thanks to you and thanks to your team. We are confident that we can carry the work with the OSCE forward. That could not happen if Malta did not step up.”
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken
Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Blinken, iż-żewġ naħat tkellmu fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, il-Libja u l-koperazzjoni Trans-Atlantika.
Dr Abela saħaq dwar il-ħtieġa ta’ djalogu u koperazzjoni quddiem kunflitti kurrenti.
Innota l-waqfien mill-ġlied fil-Libanu, iżda sostna li Malta se tibqa’ tappella għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti f’Gaza fl-isfond anki ta’ sitwazzjoni umanitarja.
Qal li pajjiżna jibqa’ favur is-soluzzjoni taż-żewġ stati għal stabbiltà u paċi fir-reġjun.
Irrimarka wkoll dwar ir-relazzjonijiet importanti li Malta għandha mal-Amerka u dawn għandhom fejn ikomplu jissaħħu fl-oqsma tal-kummerċ.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken jinsab f’pajjiżna hekk kif qed imexxi d-delegazzjoni Amerikana fil-laqgħa Ministerjali tal-OSCE, il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej.