“Miraklu ekonomiku Malti” Hekk il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat iddeskriva s-surplus ekonomiku tal-Fond Konsolidat tal-Gvern.
Surplus li ġie ferm qabel mistenni, hekk kif il-mira tal-Gvern kienet li din fl-2016 ikun hemm defiċit ta’ 0.7% b’defiċit joqrob lejn ix-xejn fi żmien sentejn oħra.
Il-Prim Ministru sejjaħ dan bħala miraklu għaliex dan ir-riżultat inkiseb mingħajr miżuri t’awsterità. Mhux hekk biss, talli wasal fl-istess ħin li ngħataw bosta inċentivi u għajnuniet, fosthom ir-roħs fil-kontijiet, tnaqqis fit-taxxi u oħrajn biex effettivament jitnaqqas il-faqar.
Il-Prim Ministru innota kif dan is-surplus ma jinkludix 70% tad-dħul mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Filwaqt li tenna li hu kburi bit-tim tiegħu u bil-poplu Malti, il-Prim Ministru temm jgħid li t-triq ’il quddiem hi li tkompli din il-ħidma b’sostenibbiltà, biex ir-riżultati miksuba jkomplu jaslu għand in-nies
Aktar kmieni l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika ppubblika r-riżultati għas-sena 2016 u fihom Malta rreġistrat surplus ta’ €8.9 miljun għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. B’hekk il-gvern mhux biss laħaq il-mira tiegħu li fl-2016 iniżżel id-defiċit għal 0.7%, iżda eliminah għal kollox kollox biex minflok daħħal iktar milli nefaq. Dan kollu f’sena fejn tniedew għadd kbir ta’ proġetti soċjali.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, qal kif din hi aħbar sabiħ ħafna u aħbar li bosta li kienu fil-Gvern ħolmu li jagħmlu iżda qatt ma rnexxielhom, aħbar li wettaq propju dan il-Gvern.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li filwaqt li fl-2013 il-Gvern kien affaċjat b’defiċit kbir, sitwazzjoni li kienet meqjusa mhux faċli, il-Gvern iddeċieda mmedjatament jieħu triq ta’ tkabbir b’sens ta’ dixxiplina u responsabbiltà. Grech qal li l-Gvern mhux biss kellu pjan għaż-żmien t’issa iżda ħejja pjan għall-futur ukoll.
Aktar kmieni dalgħodu l-Prim Ministru rreaġixxa għal din l-aħbar permezz ta’ tweet fuq Twitter