Team Malta għadu qed iżomm ir-raba’ post fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet tal-Atletika li qed isir bħalissa fil-Polonja. L-Irlanda, l-Awstrija u l-Iżrael jinsabu fl-ewwel tliet postijiet u jidhru li se jiksbu l-promozzjoni għat-tieni diviżjoni.
L-akbar ammont ta’ punti fit-tieni ġurnata kisibtu Gina Mcnamara. Hija temmet fit-tieni post fit-800m. Mcnamara kellha l-aħjar ħin personali meta ġriet f’2:04.41. Jordan Gusman ukoll kiseb punti għal Malta bil-ħames post fl-1500 metru.
Suċċess ukoll fit-timijiet tar-relay tal-4x100m. Taħt xita kontinwa, it-tim tal-irġiel iffurmat minn Luke Bezzina, Omar El Aida Chaffey, Beppe Grillo u Graham Pellegrini spiċċaw it-tielet f’41.11 sekondi.
It-team tan-nisa iffurmat minn Claire Azzopardi, Alessia Cristina, Janet Richard u Charlotte Wingfield spiċċaw ir-raba’ f’ħin ta’ 45.87sekondi.
Daniel Saliba spiċċa l-ħames fil-110mh hurdles b’ħin ta’ 15.32s.
Fil-pole vault Sana Grillo qabżet 3.60m biex spiċċat fir-raba’ post. Rebecca Sare’ qabżet 12.42m fit-triple jump u temmet fil-ħames post. Luca Martini temm fis-sitt post fil-Hammer Throw b’tefa’ ta’ 53.28m. Jeremy Zammit spiċċa fis-seba’ post fil-Long Jump b’7.18m.
Atleti oħra maltin kienu Rosalie Cauchi li fil-400mh nisa kellha ħin ta’ 1:13.72, Steve Camilleri li kellu ħin ta’ 57.43s fil-400mh irġiel u Alessia Cristina fil-100mh nisa’ b’ħin ta’ 18.41s.
B’hekk fl-aħħar tat-tieni ġurnata minn tlieta tal-Kampjonati, Malta għandha total ta’ 247.50 punt u tinsab fir-raba’ post. Malta għandha disa’ punti aktar mill-eqreb rivali, il-Bożnja.