Ħmistax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, u l-Kummissjoni Ewropea iffirmaw qafas ta’ kuntratti mal-kumpanija farmaċewtika Seqirus għall-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċin kontra influwenza pandemika. Dan sar skont ftehim li kien milħuq bejn dawn il-pajjiżi magħruf bħala “EU Joint Procurement Agreement to procure medical countermeasures”.
Il-pajjiżi li ffirmaw dan il-ftehim, minbarra Malta huma l-Belġju, Kroazja, Ċipru, Estonja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Lussemburgu, Olanda, Portugall, Slovakkja, Slovenja u Spanja.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li b’dan il-ftehim pajjiżna qiegħed jiggarantixxi li jkun ippreparat adekwatament għall-eventwalità ta’ meta tinqala’ problema bir-riżultat ta’ influwenza pandemika dinjija bħalma kien hemm f’diversi okkażjonijiet. Huwa qal li jinsab sodisfatt li b’riżultat ta’ ħidma kollettiva pajjiżna jista’ jgawdi minn dawn is-salvagwardi.
Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Vytenis Andriukaitis iddeskrieva dan l-iffirmar bħala l-bidu ta’ era ġdida fejn jirrigwarda aċċess miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal vaċċin kontra influwenza pandemika. “Il-pajjiżi membri firmatarji ta’ dan il-ftehim jistgħu jibqgħu assigurati li ċ-ċittadini tagħhom ikollhom aċċess għal vaċċin f’każ ta’ influwenza pandemika għall-aħjar prezz disponibbli. Dan huwa eżempju ieħor li juri li fejn naġixxu flimkien, nissaħħu u inwettqu aktar.”
Dan il-mekkaniżmu jaħseb biex itejjeb it-tħejjija ta’ pajjiżi membri biex jilqgħu għal theddid serju għas-saħħa mifrux ma’ diversi pajjiżi, u jassigura aċċess ugwali għall-pajjiżi kollha parteċipanti u jiggarantixxilhom prezzijiet aktar bilanċjati fin-negozjati li jkollhom ma’ kumpaniji farmaċewtiċi għal kontromiżuri speċifiċi medikali.
Sadattant għadhom għaddejjin negozjati ma’ kumpanija farmaċewtika oħra bil-għan li jkunu ffirmati aktar kuntratti li jimmassimizzaw il-ħtieġa tal-vaċċin skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi membri parteċipanti u jkomplu jtejbu t-tħejjijiet tagħhom għall-pandemija li jkun imiss.