Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, attendiet għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej tal-AgriFish, li sar bejn is-26 u s-27 ta’ Ġunju fil-Lussemburgu. Fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa kien hemm bosta temi importanti u kurrenti, fosthom it-tfassil tal-Politika Komuni Ewropeja tas-Sajd (CFP), preparazzjonijiet għall-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2024 u konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pakkett finanzjarju favur is-sostenibbiltà għas-sajd.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet, fl-intervent tagħha, li għandu jkun hemm proposti konkreti biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ħut fil-Mediterran. Hi wriet it-tħassib tagħha dwar il-bżonn ta’ aktar sforzi minn pajjiżi li mhumiex membri fl-UE, u l-irwol li għandhom huma wkoll biex tiġi assigurata s-sostenibbiltà fl-ibħra tagħna. Bugeja Said enfasizzat il-fatt li għandu jkun hemm ugwaljanza bejn il-pajjiżi kollha involuti, biex tassew ikunu jistgħu jitkellmu fuq is-sigurtà tal-ikel għall-poplu kollha fir-reġjun.
“Hija realtà li pajjiżi terzi qegħdin jistadu fil-baħar Mediterran u ma jimplimentawx jew jinfurzaw l-istess liġijiet li qegħdin jimpattaw lis-sajjieda Maltin u Ewropej. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ iżjed infurzar, biex nassiguraw iktar ugwaljanza fuq livell reġjonali.”
Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said
Il-Ministri Ewropej iddiskutew l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Komuni Ewropeja tas-Sajd (CFP). Hawnhekk, Malta aċċennat li l-futur ta’ dan is-settur jiddependi mill-isforzi tal-membri stati Ewropej, billi jiffokaw aktar fuq ir-riġenerazzjoni tas-settur.
Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
“Irridu politika li fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha jkun hemm il-bżonn li dan is-settur jirriġenera ruħu. Dan jista’ jsir billi nattiraw iktar żgħażagħ fuq livell Ewropew; irriduhom ikomplu jersqu lejn dan is-settur. B’dan il-mod inkunu nistgħu nassiguraw li jkollna sajjieda fil-futur, u jkollna serħan il-moħħ għas-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-provvediment tal-ikel lokali fil-ġejjieni.”
Matul dawn il-laqgħat, Malta saħqet fuq l-importanza li jiġi rikonoxxut li l-prijoritajiet qed jinbidlu biex jiġu indirizzati ċertu sfidi, bħas-sigurtà tal-ikel, il-futur tas-settur, il-konservazzjoni tal-ħut u s-sostenibbiltà fil-baħar Mediterran. Dan bil-għan li jnaqqsu l-effett li dawn il-fenomeni għandhom fuq l-għajxien tas-sajjieda u operaturi oħra fis-settur.
Fl-istess ħin, Malta kompliet taħdem biex tassigura Politika Komuni għas-Sajd li tagħmel aċċenn għas-setturi tas-sajd ta’ skala żgħira. Minflok tiġi adottata politika unilaterali u “one size fits all”, il-Gvern qiegħed jisħaq li kwalunkwe politika trid tħares lejn il-karatteristiċi u l-elementi integrali f’industriji tas-sajd bħal dak ta’ pajjiżna. B’hekk, inkomplu nassiguraw l-akbar żvilupp pożittiv għas-sajjieda kollha Maltin u Għawdxin.