F’laqgħa informali virtwali organizzata mill-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-Unjoni għall-ministri taż-żgħażagħ, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima spjega l-miżuri proattivi li qed jieħu l-Gvern Malti biex jiġġieled l-imxija tal-COVID-19.
Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li l-impatt tal-pandemija COVID-19 fuq iż-żgħażagħ kien negattiv minħabba t-tibdil fl-istil tal-ħajja u anke peress li twaqqfu proġetti tal-UE bħall-ERASMUS+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Fid-dawl ta’ dan kollu, is-segretarju parlamentari saħaq li din il-kriżi tista’ tintuża wkoll bħala pjattaforma ta’ opportunità għaż-żgħażagħ li tippermettilhom jikkontribwixxu fil-komunità permezz tal-kreattività u l-innovazzjoni tagħhom. Huwa tenna kif f’Malta qed jittieħdu passi biex iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu mgħejjuna fl-esplorazzjoni u l-iżvilupp ta’ modi ġodda, partikolarment permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-midja soċjali, biex tkompli tissaħħaħ is-solidarjetà soċjali u inter-ġenerazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li ġew introdotti servizzi u opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, filwaqt li oħrajn ġew adattati biex jissodisfaw iċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. Huwa kompla jgħid li l-youth workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ qegħdin jagħmlu sessjonijiet live maż-żgħażagħ permezz tal-midja soċjali. Dan is-servizz jinkludi sessjonijiet ma’ żgħażagħ li jħossuhom weħidhom u jridu jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra, sessjonijiet ma’ żgħażagħ li jattendu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jghinuhom fi problemi li jkollhom fit-tagħlim online u sessjonijiet ta’ online youth café.
Aġenzija Żgħażagħ ħarġet ukoll bl-idea ta’ ‘Give Back Award’ li permezz tagħha stiednet liż-żgħażagħ biex jissottomettu l-idea ta’ solidarjetà tagħhom li tista’ tiġi implimentata matul il-perjodu tal-COVID-19. Iż-żgħażagħ bl-aħjar ideat jiġu assenjati youth worker biex jgħinhom aktar dwar kif jimplimentaw u jippromwovu l-idea.
L-Aġenzija Żgħażagħ qiegħda tagħti opportunità wkoll liż-żgħażagħ Għawdxin sabiex jiżviluppaw u jaqsmu t-talent tagħhom mal-komunità onlajn filwaqt li fl-istess ħin ikunu qed imexxu bl-eżempju u jħeġġu lill-oħrajn biex jibqgħu siguri id-dar. Din l-inizjattiva, filwaqt li sservi bħala pjattaforma biex tippromwovi t-talent lokali u tippermetti liż-żgħażagħ jesprimu ruħhom, tpoġġi wkoll l-attenzjoni fuq iż-żgħażagħ li qatt ma esibixxu x-xogħol tagħhom.
Aġenzija Żgħażagħ ukoll qed tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jaqsmu l-esperjenzi tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum waqt il-lockdown. Dawn l-istejjer se jiġu ddepożitati fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta bħala parti minn kollezzjoni msejħa ‘Memorja’ li żżomm rekords storiċi tal-ħajja ta’ kuljum f’Malta.
Fl-aħħar nett spjega kif fuq livell Ewropew hemm bżonn li l-Kapitlu taż-Żgħażagħ fi ħdan l-Erasmus + ikun assigurat, imsaħħaħ u li jibqa’ relevanti fi żminijiet diffiċli. Hemm bżonn li naħsbu mill-ġdid dwar l-kunċetti stabbiliti. Pereżempju, il-mobilità taż-żgħażagħ tista’ tiġi emendata u ffokata mill-ġdid bħala mobilità virtwali, u bħala pjattaforma għal skambji virtwali. Il-kunċett ta’ volontarjat elettroniku jista’ jiġi esplorat aktar u l-fondi jistgħu jiġu mmirati lejn tali għanijiet. Huwa meħtieġ sforz ikkonċertat biex ikun żgur li ż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet ikunu jistgħu jipparteċipaw f’xogħol virtwali taż-żgħażagħ.
Ritratt: MEDE_PS