Bejn l-2013 u l-2017, Malta kienet fost l-aqwa pajjiżi fl-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-fatt Malta tinsab fir-raba’ post f’din il-klassifika, wara l-Fillandja, ir-Renju Unit, u l-Islovenja.
Dan fi studju ippubblikat fuq is-sit Bruegel, think-tank Ewropew li jispeċjalizza fl-ekonomija.
Dan l-istudju jħares lejn kif pajjiżi Ewropej jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar żbilanċ makroekonomiku fl-hekk imsejjaħ European Semester.
Il-European Semester jimmira li jiżgura finanzi pubbliċi sodi, jippreveni jew jikkoreġi żbilanċi makroekonomiċi, irawwem riformi strutturali u jżid l-impjiegi, it-tkabbir, u l-investiment.
Dan l-istudju nnota kif fl-aħħar snin ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-pajjiżi ewropej niżlet ’l isfel. Min-naħa l-oħra, pajjiżna kien minn ta’ quddiem li kompla jaħdem biex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu.
Fost oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea tul dawn is-snin kienet irrakkomandat li pajjiżna jsaħħaħ il-finanzi tiegħu, anke biex jinħareġ mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li pajjiżna daħal fiha minħabba l-aħħar Gvern Nazzjonalista, jittejjeb l-aċċess ta’ intrapriżi żgħar u medji għal finanzi, itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, u jnaqqas ir-rata ta’ tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.
Barra minn dawn, kien hemm ukoll rakkomandazzjoni li pajjiżna, fuq deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iddeċieda li jinjora.
Ir-rakkomandazzjoni li pajjiżna jgħolli l-età tal-pensjoni, li l-Prim Ministru kien stqarr li kien kontra tagħha.
Mill-bqija pajjiżna, mill-2013 ’l hawn wera impenn lil hinn mill-medja ewropea biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu, u jkompli jissaħħaħ fiskalment.