Quddiem folla kbira li fostha spikkaw l-ilwien tal-bandiera Maltija, il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal messaġġ ta’ moviment li tassew jħaddan il-valuri Ewropej.
Waqt il-mass meeting fi pjazza Kastilja tkellem fuq tliet pilastri li se jkunu ta’ priorità għall-pajjiżna fiż-żmien li ġej; l-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-inklużjoni.
F’jum il-ħaddiem, Dr Muscat qal li pajjiżna ma jiflaħx għall-biża’ u l-mibgħeda li jrid jiżra’ ħaddieħor.
Qal kif “Inutli tilgħabha tal-Ewropew jekk illum tipprova tbeżża’ bil-barranin u tiżra’ l-mibegħda lejn minn mhux Malti. Qalulna fqajna lil Malta bil-barranin. Tafu biex fqajna lil Malta, bix-xogħol.”
Dr. Muscat tkellem dwar kif l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea jinsab hemm biex isib is-soluzzjonijiet għaċ-ċittadini Ewropej.
“Bħal ma hija l-kwistjoni l-immigrazzjoni”, qal Dr. Muscat filwaqt li fisser kif Malta rnexxielha tikkonvinċi pajjiżi oħra jerfgħu biċċa mill-piż li ma tgħabbietx bih gżiritna għax kien ikun inġust fuqna.
Saħaq li biex pajjiżna jirnexxi anki fl-Ewropa jrid ikollu nies jirrappreżentawh li tassew għandhom fiduċja f’pajjiżhom.
Il-Prim Ministru qal “Fuq kollox, min m’għandux fiduċja f’pajjiżu bilfors iwarrab il-valuri tal-proġett Ewropew. Biex tagħmel suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea trid tkun temmen f’pajjiżek u mhux titkellem dwaru bħala l-Agħar fl-Ewropa.”
Il-Prim Ministru ħareġ l-istatura ta’ mexxej anki billi saħaq li b’wiċċu minn quddiem huwa jpoġġi ismu fuq il-kandidati kollha li qed jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Huwa semma wkoll l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li fi tlieta u għoxrin lokalità minnhom se jsiru żgur mhux minħabba ħaddieħor li f’mossa politika ma riedx joqgħod għall-ġudizzju tal-poplu.
Spjega kif “Aħna naħdmu biex jivvotaw iż-żgħażagħ ta’ sittax –il sena għall-ewwel darba u ħaddieħor jilgħab din il-logħba tal-mistħija. Issa aħna rridu niddeċiedu jekk ux se nħalluh jgħaddina biż-żmien jew le. Ir-risposta trid tkun fil-25 ta’ Mejju. Lil min prova jċaħħad id-dritt tal-vot irridu nwġebuh fil-25 ta’ Mejju.”
Bil-folla kbira entużjasta tisma’ b’attenzjoni sal-aħħar il-messaġġ tal-Prim Ministru, Dr. Muscat saħaq li l-għażla fil-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju hija ċara.
Dr. Muscat qal “L-għażla fil-25 ta’ Mejju hija ċara. Bejn min johloq ix-xogħol u min jiżra l-firda. Bejn minn joffri t-tama u min jitkellem dwar il-biża’. Bejn min jemmen fl-inklużjoni, u min irid iżolament. Bejn min jaħdem bl-imħabba, u min jaħdem bl-għira. U għax lil Malta u lil Għawdex inħobbuhom ngħidilkom. Għawdex f’Qalbna. Iż-żgħażagħ f’qalbna. Il-pensjonanti f’qalbna. Il-middle-class f’qalbna. Il-ħaddiema f’Qalbna. Il-familji f’qalbna. L-Ewropa f’Qalbna. Malta f’Qalbna.”