Seba’ pajjiżi Mediterranji, fosthom Malta, bagħtu ittra formali lill-Kummissjoni Ewropea biex jitwaqqfu l-pjani għad-dħul ta’ taxxa ġdida dwar it-tniġġis mill-vapuri.
Dan ġie rrapportat fil-Financial Times, fil-ħarġa tat-Tnejn, hekk kif din it-taxxa ġdida imposta mill-Unjoni Ewropea mill-bidu tas-sena d-dieħla se tkun qed twassal għal tnaqqis fil-kummerċ u ma ssolvi l-ebda problema ambjentali.
Il-korrispondenza mis-seba’ pajjiżi tal-Mediterran targumenta li din il-liġi l-ġdida se twassal biex il-kummerċ jonqos fil-portijiet Mediterranji, waqt li toffri biss benefiċċju limitat favur l-ambjent.
Fil-fatt hu mbassar li t-taxxa se jkollha impatt serju fis-setturi tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, u anke fl-investimenti fil-portijiet Ewropej.
Għalkemm jappoġġjaw il-mira inġenerali tal-liġi, Spanja, l-Italja, il-Greċja, il-Portugall, Ċipru, il-Kroazja u Malta qalu li sidien tal-vapuri aktarx isibu mezz kif jevitaw l-ispejjeż żejda u jittrasferixxu n-negozji tagħhom lejn portijiet li mhumiex fl-Unjoni Ewropea, bħal dawk fil-Marokk jew l-Eġittu, u l-ambjent jibqa’ ma jgawdix.
Din il-liġi jew direttiva msejħa ‘Fit for 55’ hi marbuta ma’ tniġġis tal-bastimenti u li tolqot il-qasam tal-merkanzija, b’Roberta Metsola li kienet iddeskrivietha bħala leġiżlazzjoni storika.
Sadanittant, dwar dan kiteb ukoll il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef, li fit-Times of Malta sostna li, kontra ċerti rapporti li saru, il-Gvern Malti qed jaħdem favur l-interessi nazzjonali u dawk tal-imsieħba fil-proċess ta’ negozjati.
Micallef qal li l-verità hi li l-Gvern qed jaħdem favur li jipproteġi l-interessi nazzjonali billi tieħu inkonsiderazzjoni tar-realtajiet ta’ pajjiżna.
Tenna li Malta diġà rnexxielha tikseb derogi favur iċ-chips semiconductors u anke dawk fis-settur tal-enerġija, fost oħrajn.