Malta hija wieħed mill-pajjiżi minn madwar id-dinja kollha li qegħdin fuq quddiem nett biex jilħqu l-livelli ta’ turiżmu bħalma kien hemm qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.
Dan jirriżulta meta wieħed iqis ċifri li ppubblikat l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, l-UNWTO.
Il-gazzetta KullĦadd tirrapporta li l-istatistika ppubblikata l-aħħar Barometru Turistiku ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali turi li, minkejja li pajjiżna huwa prattikament dipendenti għal kollox fuq l-ivvjaġġar bl-ajru għat-turiżmu tiegħu, xorta waħda jinsab fl-istess triq ta’ rkupru bħall-Ewropa, il-kontinent li qed jikseb l-aħjar riżultati f’dan il-qasam. Fl-ewwel disa’ xhur tal-2022, l-Ewropa laqgħet 477 miljun turist, li huwa 68 fil-mija tat-turiżmu kollu fid-dinja. B’hekk, l-Ewropa rreġistrat livell ta’ 81 fil-mija tat-turiżmu li kellha fl-istess perjodu ta’ tliet snin ilu.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal fil-Parlament li pajjiżna, li fl-2019 kien laħaq rekord ta’ turisti, bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena rkupra 81 fil-mija tat-turisti tal-2019. Skont l-UNWTO, it-turiżmu globali jinsab fit-triq biex sa tmiem l-2022 jilħaq 65 fil-mija tal-livelli ta’ qabel il-pandemija. Bejn Jannar u Settembru Malta rkuprat ukoll 84 fil-mija tal-għadd tal-iljieli tal-2019 u 88 fil-mija tan-nefqa tal-2019.
Sa tmiem din is-sena, il-Gvern qed ibassar li se jkun attira lejn Malta madwar 2.2 miljun turist. Il-Ministru Bartolo rrimarka li r-rilevanza ta’ dawn ir-riżultati hi akbar meta jitqies li l-ewwel kwart ta’ din is-sena – bejn Jannar u Marzu – kien bidu diffiċli għall-industrija minħabba l-imxija tal-varjant Omicron tal-Covid-19.
Minkejja dan, l-irkupru veloċi tat-turiżmu f’pajjiżna huwa dovut għall-ħidma sfiqa mill-Gvern, bl-implimentazzjoni ta’ strateġija bbażata fuq tliet pilastri: il-programm ta’ tilqim effettiv, il-miżuri li ttieħdu biex jitħarsu l-impjiegi fis-settur, u r-riżorsi li ġew allokati lill-Ministeru u lill-Awtorità għat-Turiżmu, l-MTA. Dawn ir-riżorsi kienu strumentali wkoll biex terġa’ tinbena l-konnettività bl-ajru, isiru kampanji promozzjonali aggressivi fis-swieq ewlenin, u jkomplu l-interventi biex jiġi aġevolat il-prodott turistiku mil-lat infrastrutturali u tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti intiżi biex jiġbdu aktar barranin lejn pajjiżna.