Is-sena 2024 rat lil Malta tikseb rekords eċċezzjonali ġodda fil-qasam turistiku, fejn saħanistra ġiet fost l-aqwa pajjiżi fl-Ewropa u fir-reġjun tal-Mediterran t’Isfel f’termini ta’ prestazzjoni turistika, u kisbet rata ta’ tkabbir ogħla minn destinazzjonijiet kompetituri.
Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef waqt il-Konferenza Nazzjonali tat-Turiżmu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u li taħt saqaf wieħed kien hemm għexieren ta’ persuni li ġejjin mill-qasam tat-turiżmu u dawk interessati fis-settur.
Huwa ħabbar kif b’3.56 miljun turist internazzjonali li żaru Malta, l-2024 kienet sena rekord ġdida għas-settur tat-turiżmu f’Malta.
L-Ewropa, ir-reġjun turistiku l-aktar popolari fid-dinja, laħqet 747 miljun wasla internazzjonali fl-2024, u rkuprat għal-livelli ta’ qabel il-pandemija b’+1% fuq l-2019 u +5% fuq l-2023.
“L-ikbar żieda kienet fix-xhur tax-xitwa fejn kellna rata ogħla ta’ żieda fix-xhur tax-xitwa meta tikkumpara wkoll anke max-xhur tas-sajf u dik hija l-istrateġija tagħna li nkabbru t-turiżmu tul is-sena kollha. Is-suq Amerikan kif jaf kulħadd hu suq sinjur li jagħtina turisti li jonfqu iżjed mill-medja tat-turisti l-oħrajn u hemmhekk nitfgħu r-riżorsi tagħna u finanzi u riżorsi umani biex inkabbru l-attività tagħna mal-Istati Uniti u l-Kanada.”
Kap Eżekuttiv tal-MTA
Malta kienet fost id-destinazzjonijiet li rkupraw bl-aktar mod mgħaġġel mill-agħar kriżi tas-settur, u mhux biss qabżet il-livelli ta’ qabel il-pandemija fl-2023, iżda kisbet rata ta’ tkabbir ta’ 19.5% fl-2024 meta mqabbla mal-2023.
L-iljieli tal-klijenti turisti laħqu kważi 23 miljun fl-2024, b’żieda ta’ 13% fuq is-sena ta’ qabel. L-infiq totali mit-turisti rreġistra l-ogħla rata ta’ tkabbir ta’ 23.1% fuq l-2023, bl-infiq għal kull turist jiżdied minn €897 għal €924.
Id-dejta ppubblikata mill-UN Tourism tindika li fost id-destinazzjonijiet fir-reġjun tal-Mediterran t’Isfel, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ tkabbir fid-dħul mit-turiżmu b’+22%.