Fl-aħħar tas-sena li għaddiet Malta kienet t-tielet l-aħjar pajjiż fl-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej li għandhom x’jaqsmu mas-suq waħdieni. Bħala medja, Malta damet kważi sebgħa xhur biex timplimenta d-direttivi Ewropej waqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ kważi disa’ xhur.
Skont il-klassifika tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala Internal Market Scoreboard, Malta implimentat b’mod tajjeb u effiċjenti d-direttivi dwar is-suq intern, ferm aħjar mill-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni.
F’din il-klassifika, joħroġ ukoll Malta għandha tmien każi pendenti biss relatati mar-regoli tas-suq intern, waqt li l-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ erba’ u għoxrin każ.
Dan ifisser li Malta għandha t-tielet l-aqwa pożizzjoni fost il-pajjiżi Ewropej. Min-naħa l-oħra, Spanja bi 53 każ, il-Ġermanja b’46 każ u l-Italja kellhom l-ogħla numru ta’ każijiet pendenti.
L-Unjoni Ewropea nnotat li għal ħames darba konsekuttiva Malta kisbet punteġġ perfett u kien ħaqqha li tissemma b’mod speċjali għall-mod kif qed taqleb u tapplika d-direttivi Ewropew.
Dwar is-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern, ir-rapport jgħid li Malta tejbet il-prestazzjoni tagħha u issa għandha prestazzjoni tajba ħafna. Dan fid-dawl tal-fatt li l-ħames indikaturi kollha juru titjib sinfikanti mqabbel mal-2016 u issa jinsab bil-bosta ’l fuq mill-medja Ewropea.