“Malta għandha fost l-aqwa prattiċi u edukattivi fil-qasam tar-radjoloġija.”
Qal dan Professur Irlandiż Jonathan McNulty waqt konferenza dwar ir-radjoloġija f’Malta.
Waqt id-diskors tiegħu McNulty li huwa membru fil-bord tal-Kungress Ewropew tar-Radjoloġisti, saħaq dwar l-importanza ta’ din il-professjoni li tiddentifika mard serju anke sa minn kmieni sabiex il-kura tkun waħda effettiva.
F’kumment ma’ ONE News il-Professur Irlandiż qal kif f’diversi żjarat f’pajjiżna fl-aħħar snin irnexxielu jsegwi t-tagħlim li jingħata lir-radjoloġisti futuri ta’ pajjiżna.
McNulty stqarr: “There’s a very high level of education and growing research activity here in Malta aswell. There are some great students, some great faculties in the University of Malta. So I think Malta will be recognised around Europe as one of the leaders in terms of the radiographers it produces.”
Intant dan l-istazzjon tkellem ukoll mal-President tas-Soċjetà Medika tar-Radjoloġisti, Edward Farrugia Wismayer.
Li qal li l-professjoni qed tgawdi mill-avvanzi fit-teknoloġija. Huwa sostna: “Kemm bl-aspett li nistgħu naraw dijanjosi b’mod inqas invażiva u b’mod iktar akkurata wkoll jiġifieri b’dan il-mod nistgħu naqbdu x’għandu l-pazjent qabel u b’hekk il-possibiltà li nkunu nistgħu ntuh kura aħjar u effettiva hija iktar għolja.”
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President ta’ Malta George Vella saħaq dwar l-importanza ta’ konferenzi ta’ dawn it-tip li jgħinu jxerrdu l-aqwa prattiċi għal servizzi tas-saħħa aħjar.
L-E.T. il-President Dr George Vella: “Hawnekk hawn numru ta’ radiographers li ġew mid-dinja kollha u qegħdin jaħdmu flimkien u dan huwa importanti ħafna. Iktar ma wieħed jaqsam esperjenzi u jkun jaf x’għaddej minn pajjiż għall-ieħor bla dubju ta’ xejn veru tgħidli hemm il-ġurnali u hemm il-letteratura imma meta wieħed tiltaqa’ u tiddiskuti one to one huwa ħafna u ħafna iktar importanti u naħseb din hija konferenza li taf tħalli ħafna u ħafna riżultati.”