Miżura wara oħra fil-qasam soċjali u żieda ta’ ħamsin fil-mija fin-nefqa tal-Gvern fil-qasam soċjali fl-aħħar sitt snin wasslu biex Malta hija fost l-aqwa fl-Ewropa f’dawk li huma servizzi soċjali u sigurtà soċjali.
Dan qalu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet biex tfakkar il-ġimgħa ddedikata għas-servizzi tas-sigurtà soċjali.
Hawnhekk il-Ministru rrefera għal ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wrew li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-Gvern nefaq mitejn u tletin miljun ewro fil-qasam soċjali, jiġifieri terz tal-baġit Nazzjonali. Minkejja ż-żieda fin-nefqa, in-numru ta’ persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali li joffri l-Gvern naqas.
Iżda, kif wasalna s’hawn?
“Tasal s’hawn għax għandna Gvern b’impenn soċjali kbir. In-nefqa fuq dan il-qasam f’sitt snin telgħet b’50%. Illum qed nitkellmu fuq €1.8 biljun. Wieħed jinnota wkoll li għandna servizzi jikkumparaw tant tajjeb ma’ pajjiżi oħra u llum qed nilħqu diversi faxex għaliex għandna prosperity with a purpose,” saħaq il-Ministru.
Il-Ministru qal ukoll li fost l-aktar miżuri tal-gvern li laqtu faxex ta’ persuni vulnerabbli kienet dik li tippermetti biex persuni b’diżabilità li assolutament ma jistgħux joħorġu jaħdmu, jingħataw sussidju li jlaħħaq il-paga minima Nazzjonali.
“Ta’ min jgħid li wessajna l-kriterji biex wieħed jikkwalifika għal dawn. Illum qed nitkellmu wkoll fuq metodi ġodda ta’ assessjarli jħares lejn nuqqas ta’ mobbilità. Ikkalkulajna li 600 persuan addizzjonali kkwalifikaw għal din it-tip ta’ għajnuna, li hija għajnuna kbira,” spjega Dr Falzon.