Statistika tal-Euro Observer ikklassifikat lil Malta fost l-aktar pajjiżi li ġġeneraw l-enerġija mix-xemx. Fis-sentejn li għaddew pajjiżna żied il-produzzjoni tal-enerġija mix-xemx b’aktar minn ħamsa u tletin megawatt biex b’hekk ikklassifika fir-raba’ post.
Skond din l-istatistika, Malta pproduċiet mitejn u sebgħa u erbgħin mega watt ta’ enerġija għal kull persuna. Din il-figura segwiet dik ta’ pajjiżi ferm akbar fosthom il-Ġermanja, il-Belġju u l-Italja.
Is-sena li għaddiet, Malta pproduċiet mija u disa’ mega watts ta’ enerġija permezz tar-raġġi tax-xemx. L-aktar pajjiż li pproduċa enerġija mix-xemx kien il-Ġermanja b’total ta’ disgħa u tletin elf, tmien mija u ħamsa u disgħin mega watt filwaqt li l-inqas żewġ pajjiżi kienu L-Estonja u l-Latvja, bl-Estonja ma’ pproduċiet l-ebda unit ta’ enerġija mix-xemx.
L-investiment għall-enerġija solari kull ma jmur dejjem qed jikber fejn is-sena l-oħra fl-Unjoni Ewropea ġew iġġenerati aktar minn mija u sitt elef mega watt minn fost il-pajjiżi kollha.
Rapport maħruġ mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinovabbli qalu wkoll li sas-sena elfejn u tletin l-Unjoni Ewropea għandha l-potenzjal li tirdopja il-kapaċità tagħha fil-produzzjoni tal-enerġija rinovabbli.