Malta hija fost l-aktar pajjiżi għonja, hienja, u b’saħħithom fid-dinja, u fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li qed igawdu minn prosperità assoluta. Dan joħroġ mill-Indiċi Annwali tal-Prosperità mill-istitut Legatum, li t-12-il edizzjoni tiegħu kien ippubblikat l-Erbgħa li għadda.
Mill-oqsma kollha mistħarrġa għal dan l-indiċi, fosthom is-sigurtà, is-saħħa, il-libertà tal-espressjoni, u l-kwalità ekonomika, Malta tinsab fid-19-il post minn 149. Dan ifisser li f’sena biss, Malta mxiet tliet postijiet ‘il fuq mit-22 post.
Malta kisber l-ogħla punti fil-qasam tas-sigurtà, fejn tinsab fis-sitt post minn 149. Malta bbrillat ukoll fis-settur tal-Libertà Personali taċ-ċittadini, fejn minn fost il-pajjiżi kollha mistħarrġa għal dan l-indiċi, tinsab fit-13-il post. L-istess fis-settur tal-Kapital Soċjali, fejn Malta tinsab fl-għaxar post.
It-tkabbir ekonomiku li gżiritna esperjenzat fl-aħħar snin ukoll kien innutat mill-istituzzjoni indipendenti Legatum, tant, li fil-qasam tal-Kwalità Ekonomika, tinsab fil-15-il post, u grazzi għall-aħħar investimenti li saru fil-qasam tas-saħħa, Malta telgħet għall-20 post minn 149.
Fil-qasam tan-negozju, Malta tinsab fl-54 post minn fost il-pajjiżi kollha mistħarrġa.
Skont l-indiċi, l-aktar żewġ setturi li huma ta’ sfida għal Malta huma l-Edukazzjoni u l-Ambjent, fejn ġiet ikklassifikata fl-40 u t-42 post rispettivament. Il-Gvern kemm-il darba rrikonoxxa l-isfidi li qed joffru dawn is-setturi, u lest li jiġġieliedhom b’inizjattivi bħall-ftuħ ta’ setturi edukattivi ġodda, boroż ta’ studju f’diversi suġġetti, u tħawwil ta’ siġra waħda għal kull karozza ġdida li tinħareġ fit-triq, fost oħrajn.
Meta wieħed jikkunsidra ċ-ċifri kollha li Malta kisbet f’dan l-indiċi, isib li pajjiżna tikklassifika fid-19-il post fost il-pajjiżi kollha mistħarrġa.
Dan ifisser li Malta hija pajjiż li tħaddan aktar prosperità minn pajjiżi akbar u aktar kompetittivi bħal Franza u l-Ġappun, li kklassifikaw f’post aktar baxx minn pajjiżna.