Rapport tal-gazzetta Brittanika ‘The Times’ poġġa lil Malta u lil Għawdex bħala l-aħjar postijiet fid-dinja li wieħed għandu jżurna f’Settembru li ġej.
Dan hekk kif is-sit Brittaniku poġġa lill-gżejjer Maltin fit-tieni post minn tmintax-il pajjiż minn madwar id-dinja.
Is-sit semma lil Malta u lil Għawdex, waqt li uża ritratt tax-xatt tal-Birgu fi sfond tal-Mużew Marittimu, mużew li bħalissa fih għaddej restawr estensiv.
Dan is-sit isemmi kif fix-xahar ta’ Settembru, minkejja li fih tibda l-ħarifa, wieħed se jsib temp sabiħ, b’temperaturi li jkunu aktar minn 20 grad celsius.
B’dan ikun għadu t-temp perfett biex wieħed imur fuq bajja u jgawdxi x-xtut li joffru l-gżejjer Maltin.
L-artiklu ta’ The Times isemmi l-belt kapitali Maltija, il-Belt Valletta li semma s-sbuħija tagħha, waqt li mdawra bis-swar u knejjes mill-isbaħ.
Is-sit Brittaniku jsemmi li meta jżurna, wieħed għandu jaqsam in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, fit-Tlett Ibliet tal-Kottonera, li huma l-Birgu, Bormla u l-Isla.
Intqal ukoll li t-temperatura tal-baħar, f’Settembru tkun għadha għolja u wieħed jista’ jżur il-bajjiet li joffru l-gżejjer Maltin. Isemmi wkoll li wieħed għandu jżur il-gżira Għawdxija u hemmhekk idur il-bosta bajjiet sbieħ li toffri din il-gżira.
Artiklu bħal dan huwa reklam b’saħħtu għal pajjiżna mas-suq Brittaniku. Suq, li skont l-aħħar ċifri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jindika li sa nofs din is-sena, it-turisti mir-Renju Unit qabżu dawk li ġew kemm fl-2019 – is-sena ta’ qabel il-pandemija u anki s-sena l-oħra.
Minkejja li s-sena l-oħra kienet sena rekord għas-settur turistiku f’pajjiżna, l-ammont ta’ turisti li ġew mir-Renju Unit kien inqas minn dawk li ġew qabel il-pandemija.
Iżda din is-sena jidher li t-tieni l-akbar suq għall-passiġġieri fil-mitjar Malti, wara l-Italja, jidher li rkupra b’mod b’saħħtu. Dan hekk kif fl-ewwel sitt ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 28% fis-suq mir-Renju Unit, meta mqabbel ma’ bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra.
Sadanittant, fl-istess artiklu, The Times isemmi bosta postijiet oħra madwar id-dinja, li wieħed għandu jżur fix-xahar ta’ Settembru. Fost dawn hemm postijiet fl-Istati Uniti, Greċja, l-Italja, Franza u l-Awstralja.