Il-proċess ta’ applikazzjoni biex pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jilqgħu l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina u l- Awtorità Ewropea tal-Banek ntemm mat-tokki ta’ nofsillejl tat-Tnejn.
Kienu dsatax-il pajjiżi interessati li jospitaw l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, fosthom Malta, filwaqt li kienu tmienja l-pajjiżi li għamlu n-nomina uffiċjali biex l-Awtorità Ewropea tal-Banek tirreloka f’pajjiżhom.
Din ir-rilokazzjoni qed issir wara n-notifika tar-Renju Unit li mhux se jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif iż-żewġ aġenziji kellhom il-kwartieri ġenerali tagħhom f’dan il-pajjiż. Kien f’Ġunju li għadda li l-mexxejja Ewropej qablu f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew li l-Aġenzija tal-Mediċini u l-Awtorità Ewropea tal-Banek ikunu rilokati sad-data stabbilita għal BREXIT.
Il-pass li jmiss huwa li l-applikazzjonijiet jiġu analizatti mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-President Jean-Claude Juncker u l-President Donald Tusk u approvati mill-mexxejja Ewropej fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Din l-analiżi se tkun ippubblikata fit-tletin ta’ Settembru, biex f’Ottubru jkun imiss diskussjoni fil-kumitat tal-Unjoni Ewropea. Hemm l-istati membri jkunu jistgħu jagħmlu l-preżentazzjoni tagħha.
Id-deċiżjoni finali tittieħed f’Novembru, wara vot finali fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni fuq ir-rilokazzjoni ta’ dawn l-aġenziji.
Dawk il-pajjiżi li għamlu l-offerta tagħhom għaż-żewġ aġenziji, huma fiċ-ċans li jospitaw waħda minn dawn l-aġenziji biss, regola li ma taffettwax lil pajjiżna, hekk kif Malta għamlet in-nomina uffiċjali biex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina biss.