Malta hija fost l-aktar 20 pajjiż minn madwar id-dinja li għandhom l-inqas riskju ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Dan joħroġ mill-aħħar edizzjon tal-Indiċi Basel AML, skrutinju indipendenti fuq 129 pajjiż dwar il-Governanza tagħhom.
Fl-edizzjoni tal-2018, Malta tpoġġiet fil-118-il post fl-indiċi, u għalhekk hija fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li m’għandhomx riskju ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu.
Il-pożizzjoni ta’ Malta fl-indiċi ta din is-sena hija aqwa minn dik ta’ Franza, li tinsab fil-113-il post, tar-Renju Unit, li jinsab fil-106 post, u tal-Ġermanja, li tinsab fil-102 post.
L-istħarriġ iġib fix-xejn allegazzjonijet mill-Oppożizzjoni u l-Membri Parlamentari Ewropej tagħha li f’dagħdigħa ta’ negattività kontinwa, jippruvaw ipinġu lil Malta bħala tax haven.
Għall-kuntrarju ta’ dak li jippruvaw jallegaw l-ogħla uffiċjali tal-PN, Malta għandha reputazzjoni b’saħħitha mal-bqija tal-ġurisdizzjonijiet li hija kommessa għall-aħħar għall-istandards internazzjonali tat-trasparenza, u l-istandards regolatorji tagħha huma konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea tal-aqwa prattika f’dan is-settur.
Jidher li l-aktar pajjiżi li għandhom riskju ta’ ħasil ta’ flus huma Tajikistan, Mozambique, u l-Afghanistan.