Malta se tkun qed tattendi l-Vibrant Gujarat Global Summit (VGGS) 2024, li se jsir fl-istat ta’ Gujarat, l-Indja, bit-tema ‘Gateway to the Future’, bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar li ġej.
F’dan is-summit, li hu magħruf fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-kummerċ u l-opportunitajiet ta’ investiment, diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom, fost oħrajn, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Indoneżja, il-Ġappun, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Korea t’Isfel, Singapore, l-Emirati Għarab Magħquda u r-Renju Unit.
L-aħħar disa’ edizzjonijiet ta’ dan is-summit ikkontribwew b’mod sinifikanti għal kollaborazzjonijiet soċjo-ekonomiċi u kulturali fost il-pajjiżi rappreżentanti.
Fil-fatt l-iskop ta’ dan is-summit hu li jissaħħu r-relazzjonijet bilaterali bejn il-pajjiżi li se jipparteċipaw fih, kif ukoll li jippromovu l-opportunitajiet t’investimenti bi skop li jitjiebu l-kollaborazzjonijiet għall-kummerċ bejniethom.
Din is-sena, is-summit se jkun qed jiffoka fuq l-enerġija rinovabbli, l-idoġenu aħdar, is-semi-kondutturi, kif ukoll l-’e-mobility’.