Malta kienet fost 164 nazzjon li pparteċipaw f’konferenza intergovernattiva li saret f’Marrakexx, il-Marokk, fl-10 u l-11 ta’ Diċembru biex jiġi adottat il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata, u Regolari: l-ewwel ftehim innegozjat bejn il-pajjiżi tad-dinja, imħejji taħt l-awspiċi tan-Nazzjonjiet Magħquda, biex ikopri d-dimensjonijiet kollha tal-migrazzjoni internazzjonali b’mod ħolistiku u komprensiv.
Il-patt ma jorbotx legalment u prinċipju gwida fundamentali tiegħu jafferma d-dritt sovran tal-Istati li jiddeterminaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-prerogattiva tagħhom li jirregolaw il-migrazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħhom skont il-liġi internazzjonali.
“Wieħed ma jistax jissottovaluta l-valur ta’ ftehim globali dwar din il-materja. Bħala stat tal-fruntiera, Malta esperjenzat direttament il-benefiċċji ta’ meta l-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod reġjonali, bil-maqlub ta’ meta tiġi affrontata unilateralment. Ninsabu fiduċjużi li, jekk naħdmu b’mod globali li jkompli jgħinna nimmaniġġjaw il-migrazzjoni b’mod sigur u ordnat, inkunu qed nagħmlu pass fid-direzzjoni t-tajba,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, waqt il-konferenza ta’ livell għoli.
F’Marrakexx, il-Ministru Abela attenda wkoll avveniment li ġie organizzat fl-okkażjoni tas-70 anniverarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. “Għal Malta, id-drittijiet tal-bniedem kienu u għadhom prijorità assoluta,” qal il-Ministru. “Saħħaħna l-pożizzjoni fuq nett tagħna fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni LGBTI u, fl-2017, adottajna l-ewwel strateġija tagħna għall-integrazzjoni tal-migranti. Aħna involuti wkoll attivament fi sforzi biex, bħala prijorità, niksbu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u navvanzaw id-drittijiet tan-nisa. F’dan ir-rigward, Malta bħalissa qed taħdem għal rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-ħajja politika u pubblika, biex b’hekk tinħoloq sitwazzjoni vantaġġjuża għal kulħadd fis-soċjetà kollha kemm hi.”
Laqgħa oħra saret mad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD), organizzazzjoni internazzjonali bbażata fi Vjenna bi stat ta’ osservatur fin-Nazzjonijiet Magħquda. L-ICMPD jservi bħala organizzazzjoni ta’ sostenn għal konsultazzjonijiet informali u tipprovdi għajnuna esperta fil-qasam tal-koperazzjoni multilaterali dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u mal-ażil. Għandu 17-il stat membru, inkluża Malta, li ssieħbet f’Mejju 2018 bħala l-ewwel membru mill-Mediterran ċentrali. Il-Ministru u d-DĠ ddiskutew il-passi li jmiss tal-koperazzjoni diġà ta’ suċċess bejn Malta u l-ICMPD.