Malta ngħaqdet ma’ numru ta’ pajjiżi oħrajn fl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem ta’ ‘Team Europe’, bil-għan li tgħin l-Afrika tnaqqas aktar it-tixrid tal-virus tal-Mpox.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa, fejn intqal li, b’kollox, se jkunu qed jintbagħtu man-nofs miljun vaċċin. Bl-ewwel pajjiż, li se jirċievi l-vaċċin, ikun il-Kongo, fejn diġà waslet l-ewwel konsenja ta’ dożi mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru għas-Saħħa Malti qal li dan seħħ wara li, fl-14 ta’ Awwissu li għadda, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat t-tifqigħa tal-Mpox bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali.
Wara segwiet id-dikjarazzjoni li l-marda, li wkoll affettwat pajjiżi Ewropej, bħala emerġenza tas-saħħa pubblika.
Fi tweġiba għat-talba għall-appoġġ minn sħab internazzjonali, Malta ngħaqdet mal-inizjattiva ‘Team Europe’, biex tagħti donazzjonijiet tal-vaċċini u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi biex tgħin fil-ġestjoni tal-imxija.