Il-kontinent Ewropew irid jagħti l-istess appoġġ lil Lvant Nofsani, speċjalment f’Gaza, kif qed jagħmel fl-Ukrajna.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Malti Robert Abela, fi tmiem is-summit tal-Komunità Politika Ewropea, li sar f’Tirana l-Albanija.
Hawnhekk intqal li saret laqgħa bejn numru ta’ pajjiżi Ewropej, fejn ġie ffirmata dikjarazzjoni importanti.
“Iffirmajna dikjarazzjoni li tisħaq fuq l-importanza li l-għajnuna umanitarja terġa’ tibqa’ titħalla tgħaddi ġewwa Gaza. Jiġifieri din hi dikjarazzjoni li tisħaq priċipaljament fuq dak il-punt, fejn ma jistax ikollok sitwazzjoni fejn għandek mijiet ta’ eluf ta’ persuni li qed ibatu l-ġuħ, qed ibatu l-għatx, li huma neqsin mill-aktar kundizzjonijiet bażiċi sanitarji, tbatijiet kbar, li diffiċli tiddeskrivihom.”
F’kumment mal-midja, Dr Abela tkellem kif dan is-Summit ġiet diskussa l-isfida tal-migrazzjoni, speċjalment minħabba l-aħħar żviluppi fil-Libja.
“Waqt li qed nitkellmu bħalissa għandna sitwazzjoni, fejn mill-Punent ta’ Tripli għandek numru tat-tluq ta’ dgħajjes ta’ immigranti li huwa ħafna ogħla minn dak li huwa normali. Jiġifieri tifhem kif dawn it-tensjonijiet li jkollok jimpattaw mill-ewwel il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni irregolari u allura tifhem kemm pajjiżna huwa wieħed viġilanti, kellna suċċessi li mhumiex żgħar tul dawn l-aħħar snin fil-kontroll ta’ din il-kwistjoni li però f’sekonda tista’ tinbidillek fis-sitwazzjoni.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan is-summit sar ftit tal-jiem wara li bdiet il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa.