Il-Ministri tal-UE responsabbli mir-riċerka ltaqgħu flimkien għal-laqgħa informali tal-Kunsill Kompetittiv COMPET, fi Stokkolma, l-Iżvezja. F’din il-laqgħa, li saret nhar l-Erbgħa 8 ta’ Frar u li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka Keith Azzopardi Tanti, ġew diskussi diversi aspetti, fosthom l-użu ta’ data minn infrastrutturi ta’ riċerka u l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.
Fir-rigward tal-użu ta’ data minn infrastrutturi għal skop ta’ riċerka, li l-UE ilha tinvesti fihom għal diversi snin, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti stqarr kif permezz ta’ dawn l-infrastrutturi l-istati membri jistgħu jużaw u jiżviluppaw it-tagħrif li joħroġ mir-riċerka sabiex jindirizzaw diversi sfidi, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività li biha finalment jiggwadanja ċ-ċittadin.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza li d-data li toħroġ mir-riċerka tkun aktar aċċessibbli sabiex ikun hemm użu aħjar.
“L-istati membri għandhom jadottaw prattiċi komuni u għandha ssir analiżi ddettaljata mill-UE fuq l-isfidi u r-riżorsi li l-istituzzjonijiet ta’ riċerka għandhom bżonn sabiex jimplimentaw il-prattiċi komuni,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.