Fl-aħħar snin, Malta esperjenzat qabża sinifikanti fl-iżvilupp uman, skont l-indiċi tal-Programm tal-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda, l-UNDP, li għadu kemm ġie aġġornat riċentament.
Fil-fatt jirriżulta li mill-2016 ’l hawn, pajjiżna mhux biss irnexxielu jidħol mal-aqwa ħmistax-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea, iżda llum il-ġurnata hu kklassifikat fil-ħamsa u għoxrin post minn fost mija u tlieta u disgħin pajjiż jew territorju evalwati fl-indiċi.
L-indiċi, magħruf bħala HDI fil-qasir, jikkalkula l-kisbiet nazzjonali fi tliet dimensjonijiet bażiċi, li huma l-ħajja b’saħħitha u twila, l-aċċess għall-għarfien u l-edukazzjoni, u livell ta’ għajxien diċenti.
Fil-każ ta’ Malta, il-Programm tal-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda jisħaq li l-valur tal-HDI lokali tela’ minn 0.726 fl-1990 għal 0.915 fl-2022, bidla pożittiva ta’ sitta u għoxrin fil-mija u llum ipoġġina fil-kategorija ta’ żvilupp uman għoli ħafna.
Jirriżulta li t-titjib qawwi relatat beda jiġi rreġistrat fl-aħħar tmin snin, mill-2016, mindu Malta qabżet fl-14-il post fost il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Interessanti wkoll kif, fl-istess perjodu ta’ bejn l-1990 u l-2022, id-dħul nazzjonali gross ras għal ras żdied b’xejn inqas minn mija u tnejn u erbgħin fil-mija, biex illum jgħodd għal kważi tnejn u erbgħin elf ewro kull ċittadin jew għaxart elef aktar ras għal ras fuq l-2013.
Dan kollu nkiseb b’riżultat tal-ħidma politika sfieqa ta’ Gvernijiet Laburisti, li fl-aħħar snin mhux biss biddlu d-destin nazzjonali u sena wara oħra offrew l-aħjar kundizzjonijiet tal-għajxien, iżda wkoll ipproteġew lil kulħadd fostna meta faqqa’ s-saram globali bil-pandemija tal-COVID-19 u l-Gwerra fl-Ukrajna, b’mod partikolari.
Tlabna lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, jirreaġixxi għal dawn ir-riżultati fl-indiċi tal-Ġnus Magħquda. Hu tenna li dawn ir-riżultati huma konferma oħra tal-avvanzi li s-soċjetà tagħna għamlet, grazzi għall-politika tal-Gvern.
Qal li din il-politika qed twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-faqar u fiċ-ċaħda materjali u soċjali, tnaqqis fuq id-dipendenza soċjali, livell rekord ta’ impjiegi u avvanzi kbar fil-kwalità tal-ħajja, fis-saħħa u l-edukazzjoni, b’titjib ġenerali fil-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi.