Malta hija l-aqwa kollaboratur u qiegħda fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien l-ideali.
Dan stqarru l-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Donald Tusk meta tard waranofsinhar iltaqa’ mal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat f’Kastilja.
Tusk qal li dan huwa żmien diffiċli għall-Unjoni Ewropea iżda esprima sodisfazzjon li huwa propju pajjiżna li qiegħed jieħu f’idejh il-Presidenza f’dan iż-żmien.
Kompla billi sostna li fil-fatt, ma setax ikun hemm żmien aħjar għal Malta biex tkun fit-tmun tal-Presidenza speċjalment minħabba s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni.
Kwistjoni li ser tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tul is-sitt xhur li ġejjin u li Tusk qal li dan huwa għaliex Malta stess esperjenzatha u għandha sensittività liema bħalha lejn din il-kwistjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li tul ix-xhur li ġejjin, Malta se tara li b’kollaborazzjoni mal-Unjoni Ewropea, tikseb riżultati tanġibbli li verament jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies partikolarment billi l-poplu Ewropew ikollu serħan il-moħħ li l-fruntieri huma siguri.
Ritratti: Omar Camilleri – DOI