Il-Ħadd, fl-Akkademja tas-Snooker fil-Hamrun, matul l-aħħar jum tal-International Challenge Cup it-tim Malti kellu wirja mill-aqwa u għalaq l-impenji tiegħu b’rebħa kbira kontra Franza bil-punteġġ ta’ 21-6 biex f’din l-edizzjoni Malta spiċċat fit-tieni post.
Sitt players minn disa’ rebħu l-logħba tagħhom 3-0 u fil-kategorija tal-Masters l-erba’ players ħarġu rebbieħa. Fil-kategorija tal-Irġiel, għalkemm Joseph Casha tilef, 2-1, kien sfortunat li fit-tielet u l-aħħar frame, meta kien jonqos l-aħħar erba’ boċċi, l-avversarju Franċiż tiegħu, Youssef Lahlou, letteralment sab il-boċċa kannella biex ħa l-vantaġġ u rebaħ il-logħba.
Brian Cini, Alex Borg u ibnu Isaac Borg kollha rebħu 3-0, bl-avversarji tagħhom kienu, Jerome Chatet, Enzo Giacomarra u Yann Lanvin rispettivament. Fil-kategorija Masters ir-rebħiet ta’ 3-0 waslu minn Philip Ciantar, Arthur Cachia u Frans Mintoff li sekwenzjalment għelbu lil Marc Chouillier, Emos Pecqeux u Christophe Rives-Lange. F’din il-kategorija David Zammit rebaħ ukoll kontra Kevin Gilquin, pero’ bil-punteġġ ta’ 2-1.
Fil-kategorija tal-Juniors, Xavier Rizzo tilef, 3-0, kontra ż-żgħażugħ, Malo Dory Geffroy.
Barra li Malta spiċċat it-tieni u kisbet riżultat aħjar minn dak tas-sena l-oħra filwaqt f’din l-edizzjoni l-player veteran Malti, Arthur Cachia, rebaħ l-unur tal-aħjar player tat-tournament fil-kategorija tal-Masters.
Il-klassikfika finali ta’ din l-edizzjoni tal-ICC intemmet hekk; ir-rebbieħa r-Repubblika Irlandiża b’77 punt, it-tieni, Malta b’64 punt, it-tielet, l-Irlanda ta’ Fuq b’54, ir-raba’, l-Iskozja b’52, u fil-ħames post Franza b’25 punt.
Kif spiċċat l-aħħar logħba saret iċ-ċeremonja tal-għeluq fejn saru l-preżentazzjonijiet kollha u ċ-Chairman tal-European Billiards & Snooker Association, Maxime Cassis, li ġie Malta għal din l-okkażżjoni, ippreżenta t-trofew lil captain tat-tim rebbieħ, ir-Repubblika Irlandiża, Robert Murphy. Huwa ħabbar ukoll li Franza ser tospita l-edizzjoni tas-sena d-dieħla.